Il-Unions jgħidu li l-UE miexja ħażin

Il-unions tal-pajjiżi Ewropej, li bejniethom jirrapreżentaw miljuni kbar ta’ ħaddiema, huma mseħbin fil-European Trade Union Confederation (ETUC), fejn magħhom hemm ukoll il-GWU,il-Forum Unions Maltin u l-UHM.

Fit-23 ta’ Settembru li għadda il-unions Ewropej ħargu stqarrija pubblika fejn ikkritikaw bl-aħrax lill-kbarat tal-UE u l-mod kif qedin imexxu. Din l-istqarrija ħarget ftit wara li fis-16 ta’ Settembru l-kbarat tal-UE iltaqgħu fi Bratislava, fis-Slovakja, biex jaraw kif se jsolvu il-problemi kbar li qed tiffaċċja l-UE illum.

F’din l-istqarrija il-unions, permess tal-ETUC, qalu li huma diżappuntati b’din il-laqgħa għolja tal-kbarat. Akkużaw lill-kbarat li f’din il-laqgħa ma ħadux lanqas deċiżjoni waħda dwar kif se jonqos il-qagħad fl-UE; kif se jonqos il-faqar u l-inugwaljanza; kif se jiżdiet l-investiment pubbliku fis-servizzi pubbliċi; u x’passi se jittieħdu biex il-korporazzjonijiet kbar privati jibdew iħallsu t-taxxa.

Il-unions ikkritikaw bl-aħrax dak li qalu l-kbarat tal-UE, li “l-Unjoni Ewropea għandha r-rieda u l-abiltà li toffri viżjoni attrajenti liċ-ċittadini tal-Ewropa fix-xhur li ġejjin”. Il-mexxejja tal-unions imseħbin fl-ETUC, li jinkludu l-unions Maltin, qalu li n-nies mhux viżjoni jridu iżda fatti konkreti u azzjonijiet. Fuq kollox il-unions iridu li l-UE tibdel ir-rotta ekonomika li mxiet biha tul dawn l-aħħar snin u jridu Ewropa soċjali.

Iżda ftit li xejn hemm tama li dan iseħħ u li l-kbarat tal-UE jagħtu widen għal dak li qedin jgħidu l-unions. Illum jidher ċar li l-kbarat jimpurthom biss mill-pożizzjoni u mill-privileġġi tagħhom. Kull azzjoni li ittieħdet mill-UE matul dawn l-aħħar snin kienet immirata biex tissussidja lill-ispekulaturi u l-bankiera falluti, waqt li biex tiġbor il-flus għal dan is-sussidju kissret id-drittijiet industrijali u soċjali tal-popli. L-unika triq li fadal għall-klassi tal-ħaddiema fl-Ewropa biex tinbidel ir-rotta hija it-triq tal-istrike ġenerali mifrux mal-UE kollha sakemm il-kbarat iċedu.

108698492_epa05542236_heads_of_states_and_governments_of_the_27_eu_member_countries_gather_for_a-large_transdfh7f16xk0va0enc8heghkekwcjw5eb0ntsspiws2vy