Il-Unions iridu żieda għall-Ħaddiema kollha.

edward3

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna għadu kif ħabbar kemm il-gvern Malti qiegħed imexxi tajjeb. Qal li fl-ewwel 8 xhur ta’ din is-sena 2016, meta mqabblin mal-ewwel 8 xhur tas-sena ta’ qabel, 2015, juru progress kbir.

Id-defiċit tal-gvern naqas kważi bin-nofs, minn 141 miljun euro għal 79 miljun euro. Qal ukoll li n-nefqa tal-gvern fl-ewwel 8 xhur ta’ din is-sena żdiedet bi 38 miljun euro, waqt li d-dħul tal-gvern żdied ukoll b’100 miljun euro. Fl-istess perjodu mill-ġbir tat-taxxa il-gvern daħħal 200 miljun euro aktar mis-sena ta’ qabel.

Proset Sur Scicluna! Nisperaw li l-gvern issa ma jġibx aktar skuzi biex iżid il-paga minima fil-budget li ġej. Dan il-progress ma ġiex biss bil-ħidma tal-gvern imma ġie bil-ħidma tal-ħaddiema kollha, inkluż dawk li qedin bil-paga minima. Mingħajr il-ħaddiem ma jsir xejn. Jekk il-paga minima ma tiżdietx fil-budget li ġej il-gvern laburista jkun qed jiddikjara li jrid li l-paga minima tibqa’ dejjem tinxtorob, bil-konsegwenzi anti-soċjali li jinħolqu, fosthom il-faqar fil-qalba tal-ġid. U allowance mill-gvern flok żieda fil-paga minima tkun biss tidwira mal-lewża, kif jgħid il-Malti.

Tajjeb ukoll li hawn infakkru lill-gvern laburista illi l-unions ewropej, inkluż il-GWU, il-FUM, u l-UHM, imseħbin flimkien fil-European Trade Union Confederation (ETUC), fl-isqarrija pubblika tat-23 ta’ Settembru li għadda qedin isostnu l-ħtieġa li l-ħaddiema kollha tal-UE għandhom jingħataw żieda fil-paga u li l-paga minima għandha togħla fl-Ewropa kollha. Din l-insistenza tal-unions mhix mibnija biss fuq il-ġustizzja soċjali u kontra id-diżugwaljanza. Hija mibnija wkoll fuq l-argument, illum sostnut mill-aqwa ekonomisti fid-dinja, li fil-preżent żieda fil-pagi toħloq aktar domanda u aktar dinamiżmu ekonomiku.