Il-protesti kontra Trump li ma sarux

Hekk kif Donald Trump ġie uffiċjalment dikjarat President tal-Istati Uniti, mill-ewwel bdew il-protesti kontra tiegħu kemm fl-Amerka kif ukoll f’pajjiżi oħrajn. Il-protesti kienu immirati kontra l-politika ta’ Trump fl-oqsma tad-drittijiet tan-nisa, tad-drittijiet tal-minoranzi u tar-rifuġjati; kontra Trump għax irid iżarma is-servizz tas-saħħa li kien daħħal Obama; u kontra Trump għax jidher li se jittraskura l-protezzjoni tal-ambjent.

Dawn il-protesti huma kollha tajbin u importanti li jkomplu għax b’hekk biss il-poplu Amerikan jista’ jrażżan lil Trump milli jattwa deċiżjonijiet li jmorru kontra id-drittijiet tal-poplu f’dawn l-oqsma. Iżda tajjeb li wieħed jinduna li linji politiċi oħra ta’ Donald Trump ma sarux protesti kontra tagħhom.

Donald Trump diġa beda’ jwettaq dak li wiegħed dwar il-ftehim kummerċjali (trade deals). Huwa jrid trade deals bejn l-Istati Uniti u pajjiżi oħra imma ma kull pajjiż separatament u mhux kif għamel Obama, b’ħafna pajjiżi kollha flimkien. Barra minn hekk Trump irid li f’dak li jiftiehem jipproteġi l-industriji Amerikani u x-xogħol tal-ħaddiema Amerikani. Il-ftehim li kien għamel Obama mal-Messiku ġab ħerba fl-industrija Amerikana u Trump mill-ewwel iddeċieda li jrid jibdlu. Barra minn hekk, ftehim simili li Obama kien laħaq mal-Asja, Trump iddeċieda li ma jiffinalizzahx u warrbu mill-ewwel. Dwar din il-linja politika mhux biss ħadd ma ipprotesta kontra Trump, imma huwa sab l-appoġġ tal-għaqda tal-unions tal-ħaddiema Amerikani, l-American Federation of Labour, kif ukoll ta’ Bernie Sanders, il-politiku soċjalista li ikkompeta ma’ Hillary Clinton fil-Partit Demokratiku.

Għall-ħaddiema Amerikani d-deċizjonijiet li ħa Trump diġa ħallew effett għax diversi kumpaniji kbar Amerikani reġgħu bdew jinvestu fl-Istati Uniti flok f’pajjiżi oħra fejn il-pagi huma baxxi. Anke għall-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea diġa kien hemm effett tajjeb, għax it-Transatlantic Trade and Investment Partnership (TTIP) issa miet mewta naturali. Dan il-ftehim kellu l-mira li jkompli jrażżan aktar id-drittijiet soċjali u industrijali tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll li jipprivatizza id-demokrazija parlamentari billi jagħti id-dritt lill-korporazzjonijiet kbar li ma jħallux lill-gvernijiet eletti jgħaddu liġijiet li jipproteġu lill-klassi tal-ħaddiema.

Tant dan hu minnu li l-kbarat tal-Unjoni Ewropea kienu qedgħin jinnegozjaw dan il-ftehim b’mod sigriet mal-gvern ta’ Obama, biex il-popli tal-Unjoni Ewropea ma jipprotestawx. Iżda wara li kien hemm min kixef x’inhu għaddej saru protesti kbar mal-Unjoni Ewropea kollha u l-unions kollha tal-Ewropa ikkundannaw dan il-ftehim. Għalkemm il-popli u l-unions kienu kontra, il-kbarat tal-UE xorta ma tawx każ ta’ ħadd u baqgħu mexjin bin-negozjar ta’ dan il-ftehim. Anke l-Parlament ta’ Malta kien diġa aċċettah, mingħajr la biss iddiskutih u mingħajr ma kellu xi mandat minn għand il-poplu Malti biex jaċċettah. Issa l-ħaddiema Maltin ħelsu minn dan il-ftehim bis-saħħa ta’ Trump, mhux bis-saħħa tal-kbarat tal-Unjoni Ewropea jew tal-membri tal-Parlament Malti.

Linja politika oħra ta’ Trump li ma sarux protesti fit-toroq dwarha hija dik li jrid itejjeb ir-relazzjonijiet mar-Russja u ma joqgħodx jidħol fi gwerrer bla bżonn kif ġara fis-Sirja u fil-Libja. Qal ukoll li jrid jiġġieled biss kontra l-Istat Iżlamiku. Għadu kmieni wisq biex wieħed ikun jista jgħid x’għandu f’moħħu tassew Donald Trump f’dan il-qasam tal-politika barranija. Barra minn hekk ma jidhirx li se jżomm relazzjonijiet ta’ paċi mal-Iran kif kien irnexxielu jżomm Obama. Iżda jekk vera ma jkomplix idaħħal lill-Istati Uniti fi gwerrer allura żgur ikun ħafna aħjar minn Hillary Clinton, li dejjem ħadmet kemm felħet biex l-Amerka timponi ir-rieda tagħha permezz tal-gwerrer.

Bla dubju fix-xhur li ġejjin se nisimgħu ħafna dwar kif se jiżviluppaw l-affarijiet, kemm għat-tajjeb kif ukoll għall-ħażin, permezz ta’ Donald Trump.