Il-Presidenza: Sitt xhur indoqqu l-arpa?

images (14)Malta qiegħda tippresjedi t-tmexxija tal-Unjoni Ewropea matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena. Il-gvern qiegħed jagħti ħafna pubbliċità dwar din il-presidenza. Qiegħed joħroġ stqarrijiet, jipprepara għaċ-ċeremonji, jwaħħal billboards, u ovvjament jonfoq ħafna flus biex jospità l-laqgħat u l-attivitajiet l-oħra ta’ din il-presidenza.

 

Il-gvern Malti xandar ukoll il-miri għall-Unjoni Ewropea li jrid jaħdem għalihom matul din il-presidenza. Semma’ t-tkabbir ekonomiku, ix-xogħol, il-protezzjoni taċ-ċittadini, il-kompetittività, is-sigurtà, il-ġustizzja u l-liberta. Issa dawn huma kollha miri sbieħ, bżonnjużi u tajbin. Iżda l-gvern imkien  ma ta’ xi ħjiel li se jittratta ir-raġunijiet vera li minħabba fihom l-Unjoni Ewropea tinsab ħuġġieġa waħda. Kollox jindika li waqt din il-presidenza se nkunu biss qegħdin indoqqu l-arpa waqt li l-Unjoni Ewropea tkompli tieħu n-nar.

L-Unjoni Ewropea tinsab ħuġġieġa minħabba numru ta’ kontradizzjonijiet kbar interni li issa tant kibru li qegħdin itajjru n-nar qishom vulkan ser jisbroffa.

Għalkemm l-Unjoni Ewropea hija magħmula minn 28 nazzjon, is-soċjeta Ewropea illum hija maqsuma f’żewġ nazzjonijiet. Fuq naħa hemm is-sidien u l-kbarat għaddejjin komdi u bil-privileġġi, u fuq naħa oħra hemm il-kotra ta’ nies fil-faqar, nies qegħda jew bix-xogħol prekarju, u f’ħafna pajjiżi hemm tnaqqis fis-servizzi tas-saħħa, fil-welfare, u servizzi oħra. Din il-kontradizzjoni issa ilha tikber għal numru ta’ snin u naqqset kull stima li l-Unjoni Ewropea seta’ kellha fost il-klassi tal-ħaddiema.

Il-politka ekonomika imposta mill-Unjoni Ewropea wkoll hija kontraditorja u falliet bil-kbir. Din hija politika ekonomika li tħalli lis-sidien ħielsa minn kull regoli li effettivament jistgħu jipproteġu lill-ħaddiema. Mill-banda l-oħra l-Unjoni Ewropea tordna aktar restrizzjonijiet fuq l-operat tal-unions fil-ħidma tagħhom biex jiddefendu lill-ħaddiema. Ir-riżultati ta’ din l-impożizzjoni  huma li l-ħaddiema naqsilhom id-dħul mix-xogħol u li staġnaw l-ekonomiji ta’ ħafna pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.

L-immigrazzjoni u t-terroriżmu huma ikkaġunati prinċipalment mill-gwerrer li daħlet fihom l-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Uniti, fl-Iraq, is-Sirja, il-Jemen, il-Libya, iċ-Chad,u l-Afganistan. Issa l-Unjoni Ewropea qiegħda tara kif se tkabbar il-forzi militari tagħha biex flok tnaqqas l-indħil f’dawn il-gwerrer, tkompli iżżidu.

 

Imbagħad hemm l-akbar kontradizzjoni. L-UE suppost li hija kampjun tad-demokrazija, iżda attwalment tittmexxa assolutament bla ebda mandatt popolari. Il-kbarat li jmexxu l-UE m’humiex eletti mill-popli tal-Unjoni Ewropea iżda jintagħżlu bejniethom stess meta jifformaw il-Kummissjoni Ewropea. Il-Parlament Ewropew, għalkemm elett, ma jistax jgħaddi liġijiet u r-riżoluzzjonijiet li jgħaddi ma jorbtux. Il-Bank Ċentrali Ewropew jieħu l-akbar deċiżjonijiet politiċi iżda ma jaghti rendikont lil ħadd, lanqas lill-Parlament Ewropew. Issa l-kbarat tal-Unjoni Ewropea diġa iddikjaraw li se jkomplu jiġmgħu aktar poteri f’idejhom u jkomplu jnaqqsu l-poteri tal-parlamenti nazzjonali aktar milli diġa naqqsuhom.

 

Xejn ma juri li Malta, waqt li tkun qiegħda tippresedi it-tmexxija tal-Unjoni Ewropea, se tisħaq biex dawn il-kontradizzjonijiet jispiċċaw. Kollox juri li din il-presidenza se tkun sitt xhur ta’ ċeremonji, ħafna diskorsi, u infieq ta’ flus, waqt li l-Unjoni Ewropea tkompli taqbad bħal ħuġġieġa. Kollox juri li se ngħaddu sitt xhur indoqqu l-arpa.