Il-gvern għadu kif ħabbar li se jdaħħal insurance li tkopri l-ħaddiema kollha tiegħu b’mod li jekk xi ħaddiem ikorri jew imut waqt il-qadi ta’ dmirijietu, ikun hemm kumpens għalieh, jew għad-dipendenti tiegħu f’każ ta’ mewt. Wieħed jistenna li din l-insurance tkun tgħodd bla ħtieġa li dak li jsofri l-aċċident ikollu jirrikorri għall-qorti. Dan il-pass minn naħa tal-gvern huwa ta’ min ifaħħru.
Fl-istess waqt huwa fatt magħruf li l-aktar każijiet ta’ korrimenti u ta’ mwiet qedin iseħħu mal-privat, u l-aktar fl-industrija tal-bini. Allura hemm bżonn li din it-tip ta’ insurance tiddaħħal ukoll għall-ħaddiema li jaħdmu mal-privat. Dwar dan il-gvern għandu d-dmir morali li jobbliga lill-employers privati li jdaħħlu wkoll insurance simili bħal dik li qiegħed idaħħal huwa għall-ħaddiema tiegħu.
Fil-każ tal-industrija tal-bini, li qiegħda tgawdi minn boom konsiderevoli ta’ inċentivi taħt dan il-gvern, l-imwiet fuq il-lant tax-xogħol tant saru regolari li tista’ tgħid li fil-prattika f’din l-industrija għada tiġi applikata il-piena tal-mewt. U agħar minn hekk din il-piena qed tkun applikata fuq l-innoċenti.
Qiegħed jidher ukoll li fil-każ ta’ l-industrija tal-bini, l-OHSA (Occupational Health and Safety Authority) mhux qed jirnexxiela li tħalli ir-riżultati mixtieqa. Dwar din il-problema il-gvern għandu jagħmel bidla oħra billi fl-OHSA idaħħal rappreżentanza eletta minn fost l-istess ħaddiema. Dawn il-ħaddiema ħadd daqshom ma jkun jaf ir-realta tas-sitwazzjoni fuq il-lant tax-xogħol, u ħadd daqshom ma għandu interess li jara li dak l-periklu jitnaqqas kemm ikun possibbli.