Il-kampanja biex tiżdied il-paga minima issa ilha għaddejja għal żmien twil. Ħafna studji, ħafna stqarrijiet u ħafna dikjarazzjonijiet u l-ħaddiema bil-paga minima għadhom jiġu misruqa ħajjin, waqt li l-employers jingħataw l-akbar vantaġġi u inċentivi finanzjarji minn flus il-poplu. It-titjib fl-ekonomija ta’ Malta huwa biss fantasija għall-ħaddiema li qedgħin bil-paga minima. Din hija kuntradizzjoni kbira għax l-ekonomija marret il-quddiem bix-xogħol ta’ kullħadd, fosthom bix-xogħol ta’ dawk li qedgħin bil-paga minima.
Sa dan it-tant, l-unions tal-Unjoni Ewropea, miġburin fil-European Trade Union Confederation (ETUC), għadhom kemm iltaqgħu ġewwa Brussell għal konferenza ġenerali dwar il-problema tal-pagi baxxi fl-Unjoni Ewropea. Mal-unions fl-ETUC hemm ukoll it-tlett unions kbar Maltin, il-General Workers Union, il-Union Ħaddiema Magħqudin u l-Forum Unions Maltin.
Wara li iddiskutew bejniethom il-unions stqarrew li l-pagi fl-Unjoni Ewropea matul dawn l-aħħar snin fil-fatt ċkienu meta imqabblin ma kemm żdiedu l-profitti, l-ishma u l-kapital tal-kumpaniji. Qalu li l-ammont dejjem jikber ta’ ħaddiema fuq pagi baxxi huwa skandaluż, u li l-paga minima f’diversi pajjiżi hija tant baxxa li l-ħaddiema ma jistgħux jibqgħu jittolleraw din is-sitwazzjoni.
L-unions qalu wkoll li allura hemm bżonn żieda fil-pagi tal-ħaddiema kollha fl-Unjoni Ewropea. Sostnew ukoll li żieda fil-pagi tagħti spinta lill-ekonomiji tal-Unjoni Ewropea għax żgur li tkabbar id-domanda għal aktar prodotti.
Il-ħaddiema bil-paga minima f’Malta issa jistennew li l-unions Maltin ikomplu jinsistu li tiżdiet il-paga minima, u ma jaċċettawx skużi u gideb biex ma jsir xejn.