Wara illi inkixfu iż-żewġ skandli kbar tal-Luxleaks u tal-Panama Papers, il-kbarat tal-Unjoni Ewropea qalu li se jibdew jieħdu passi biex jispiċċaw il-moħbiet fejn il-kumpaniji kbar privati jaħbu l-qliegħ tagħhom biex ma jħallsux it-taxxa.
Fl-każ tal-Lussemburgu (Luxleaks) kien sar magħruf li madwar 340 kumpaniji kbar privati minn madwar id-dinja, kellhom arranġamenti mal-banek tal-Lussemburgu biex jaħbu l-flus hemmhekk u b’hekk ma jħallsux it-taxxa li suppost iħallsu fil-pajjiżi fejn ikunu qegħdin joperaw. B’hekk huma jiffrankaw biljuni kbar ta’ euros li suppost jitħallsu f’taxxa, għax il-kumpaniji privati li nkixfu f’din il-moħba jinkludu kumpaniji ġiganteski, inkluż il-Pepsi, l-Ikea, il-Heinz, J.P.Morgan, FedEx, eċċ, eċċ.
Il-każ tal-Panama Papers kullħadd jaf illi hija l-istess storja, anzi b’żieda illi anke kumpaniji suspettati b’rabtiet kriminali huma involuti. Barra minn hekk, Mossack Fonseca, il-kumpanija li topera ġol-Panama biex tmexxi din l-attivita, taħdem ukoll minn fergħa ġewwa l-Lussemburgu.
Għalkemm il-kbarat tal-Unjoni Ewropea qalu li ser jaraw li dan is-serq legalizzat jispiċċa, fil-fatt il-passi li ser jieħdu huma kollha taparsi u l-moħbiet li hemm illum ser jibqgħu hemm u ser ikomplu jaħbu l-qliegħ. Dan ħareg ċar wara l-laqgħa tal-ministri tal-finanzi tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li sarat fit-8 ta’ Novembru li għadda. F’din il-laqgħa il-ministri iddiskutew dan is-suġġett bl-iskop li tiġi mibnija lista ta’ moħbiet u mbagħad dawn jiġu blacklisted, jiġifieri jiġu ibbojkottjati.
Fl-istess waqt, iżda, il-ministri qablu li jekk f’moħba jkun hemm flus li fuqhom ma tkun qiegħda titħallas assolutament l-ebda taxxa, dawn il-moħbiet ma jiġux blacklisted imma jiġu biss mitqiesa bħala suspettati li huma moħbiet! Barra minn hekk iddeċidew ukoll li d-diskussjonijiet li jsiru bejn il-kbarat tal-Unjoni Ewropea u l-gvernijiet tal-pajjiżi fejn hemm il-moħbiet jinżammu sigrieti u b’hekk ma jingħata l-ebda rendikont lill-popli tal-Unjoni Ewropea. Kollox se jsir taparsi u t-taxxa ser tibqa’ mħallsha biss mill-ħaddiem, mill-paga tiegħu.