Il-Militanza: L-ordni, l-ispontanjetà u r-relazzjoni ta’ bejniethom

Il-Front Maltin Inqumu fl-okkażjoni tal-ewwel ta’ Mejju qiegħed ixandar kapitlu ieħor, numru 17, intitolat ”Il-Militanza: L-ordni, l-ispontanjetà u r-relazzjoni ta’ bejniethom”,  mill-pubblikazzjoni “Bicciet Minni” ta’ Sammy Meilaq.

Il-lapida b’tifkira u b’ ġieħ lejn il-martri ta’ Chicago li tinsab imwaħħla mal-Main Office ġewwa t-trazna ta’ Bormla

Il-forma li l-ħaddiem jagħti lill-azzjoni militant tiddetermina l-probabbiltà tas-suċċess jew falliment tagħha.

L-azzjoni kotrana hija b’saħħitha ħafna aktar minn dik ta’ grupp żgħir. Il-bombi ta’ wħud mill-anarkisti, bl-intenzjonijiet ġenwini kollha tagħhom, qatt ma jistgħu jieħdu post l-azzjoni kotrana. Kultant anke jistgħu jgerrxu flok jimmobilizzaw.

Il-mira ewlenija tal-azzjoni għandha tkun li tolqot l-attività ekonomika. Meta l-azzjoni tolqot  xi qasam importanti fl-ekonomija tal-pajjiż allura l-ħaddiem jingħata widen.

Meta waqt l-azzjoni, il-ħaddiem jieħu f-idejh it-territorju, allura huwa jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu u jdgħajjef dik tal-avversarji. Dan jinkludi l-picketing, sit-in strikes, u dimostrazzjonijiet kotrana li jagħmluha impossibli li l-forzi tal-istat iwaqqfu l-azzjoni tal-ħaddiema.

L-azzjoni militanti tirrikjedi l-ħsieb u d-deċiżjonijiet tal-mexxejja tal-ħaddiema. L-ewwel u qabel kollox iridu jqisu sewwa jekk hemmx il-ħtieġa tal-azzjoni militanti, jekk ġewx esegwiti t-toroq l-oħra kollha li setgħu jwasslu għal ftehim mingħajr ma tmur għall-azzjoni. Iridu jqisu wkoll ir-riżultati fit-tul. Jekk id-deċiżjoni tkun li se tittieħed azzjoni, il-mexxejja jridu jaħsbu f’termini “militari”. Iridu jqisu l-mobiltà tal-ħaddiema: l-element tas-sorpriża miż-żewġ naħat; it-timing tal-azzjoni kemm bħala bidu kif ukoll bħala tmiem; u l-importanza u l-użu tal-avangwardja, dik il-qoxra ta’ quddiem tal-kotra li tant tagħmel differenza.

Il-mexxejja għandhom ukoll jindirizzaw lill-kotra tal-ħaddiema direttament, personalment, u bil-fomm, mhux bil-kitba. Għandhom jispjegaw lill-ħaddiema x’inhu jiġri u jagħtu lok biex il-ħaddiema jsemmu leħinhom. Fuq kollox il-mexxejja għandhom ikunu personalment fuq quddiem nett waqt l-azzjoni militanti.

Dan kollu huwa strateġiku biex l-ordni titmexxa bl-ordni. Hemm naħa oħra tal-militanza, iżda, li ma tintrabatx ma dawn ir-regoli. Din hija l-azzjoni spontanja, li permezz tagħha, kif jgħid il-Malti, “riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa.”

L-ispontanjetà hi rigal tan-natura lill-bniedem.

Spontanjament il-bniedem kapaċi joħloq ideat ġodda u effettivi, kif ukoll isib l-enerġija biex jattwahom, kapaċità illi meta jkun ristrett mill-ordni ma jkunx jista’ jsib jew joħloq. Aktar minn hekk, meta l-ispontanjetà tkun tal-kotra u mhux ta’ sempliċi individwu, il-potenzjal tagħha jimmultiplika ruħu bil-bosta. Bla dubju allura, huwa fl-interess tal-ħaddiema li jagħmlu użu  minn din il-forza għal skopijiet politiċi u industrijali favur id-drittijiet tagħhom  u favur li tiġi stabbilita soċjetà aktar ġusta. L-istorja hija mimlija eżempji li juru lill-ħaddiem dan il-potenzjal li għandu u kemm hu fl-interess tiegħu li jagħmel l-akbar użu minnu. Dan ma jgħoddx biss għas-soċjetajiet industrijali. L-ispontanjetà kotrana hija antika almenu daqs Ruma u aktar. Neruni neħħa ħajtu meta l-kotra kienet lesta biex taħbat għalih. Komodu min-naħa l-oħra, ħelisha ħafif mill-għadab tal-kotra Rumana billi ppreżentalhom ras Kleandru, il-kap tal-amministrazzjoni tal-Imperu Ruman.

Fil-każ tal-azzjoni spontanja, il-parti tal-mexxejja u tal-pjanijiet elaborati tonqos sewwa mill-importanza tagħha. Il-forza ewlenija issa hija l-enerġija u l-kreattività tal-kotra, forza kkonċentrata fi żmien u spazju wieħed. Dan ma jfissirx iżda li r-relazzjoni bejn l-ordni u l-ispontanjetà hija waħda ta’ distakk u ta’ distinzjoni totali.

Mexxejja progressivi jistgħu u għandhom joħolqu kundizzjonijiet li jiffavorixxu l- ispontanjetà tal-kotra. Barra minn hekk l-azzjoni spontanja għandha l-limitazzjoni li ma tiflaħx għal ħafna tul ta’ żmien. Ir-rebħ li joħroġ minnha jista’ jinżamm fit-tul, u anke forsi jikber, permezz tal-ordni fl-organizzazzjoni tal-ħaddiema. Hawnhekk huma l-mexxejja li jridu jidderieġu.

Dwar kemm hija prezzjuża l-ispontanjetà għall-ħaddiema, biżżejjed insemmi l-fatt illi ż-żerriegħa tal-ħolqien tal-akbar union f’ Malta, il-GWU, kienet inżergħet b’ azzjoni spontanja tal-ħaddiema tat-tarzna. Il-GWU twieldet fi Pjazza Palma, l-Imsida, fil-5 ta’ Ottubru, 1943. Iżda ftit qabel, fl-24 ta’ Awwissu, il-ħaddiem tat-tarzna sfidaw spontanjament lill-forzi tal-ordni tal-gvern Ingliż, waqfu mix-xogħol kollha flimkien, jgħajtu li jridu d-drittijiet tagħhom u lil Reggie Miller biex imexxihom.1 Din l-azzjoni, bla mexxejja stabbiliti, bla organizzazzjoni, u anke illegali, żgur illi tat kuraġġ kbir lil Reggie Miller u lil sħabu biex jorganizzaw il-meeting ta’ Pjazza Palma.

Personalment, fit-tarzna għaddejt minn diversi esperjenzi fejn l- ispontanjetà kienet fattur ewlieni fil-ġrajjiet marbuta mal-ħaddiema.2

Meta nqis il-każijiet klassiċi ta’  spontanjetà tal-kotra u l-effett li ħallew fuq l-istorja, nara illi l-istorja mhix il-prodott tal-mexxejja, iżda inħoloq minn dawk li jitmexxew, flimkien mal-mexxejja. Jekk il-ħaddiema jifmuh sewwa dan il-fatt, jagħmlu aktar kuraġġ biex jieħdu parti fit-tfassil tal-mod kif titmexxa s-soċjetà.

Inqis ukoll illi l-ispontanjetà tal-kotra għandha valur ieħor, valur moħbi. Dan hu illi l-potenzjal tagħha minnu nnifsu hu ta’ theddida. Din it-theddida għandha żewġ effetti. Toħloq sens ta’ nuqqas ta’ sigurtà fil-mexxejja reazzjonarji, li allura jkollhom joqogħodu aktar attenti milli jattwaw il-ħsibijiet u l-pjanijiet tagħhom kontra l-ħaddiem u kontra ż-żgħir. Toħloq ukoll thedida fost il-mexxejja progressivi li jistgħu jitħajru jitilfu ruħhom meta jkunu fil-poter, u ma jibqgħux iħaddnu l-ideali progressivi. F’dan il-każ din it-theddida potenzjali hija ta’ ġid kbir mhux biss għall-ħaddiema, iżda anke għall-mexxejja nfushom.

Dwar dan kollu, superstizzjoni kontra l-militanza li ġieli taqbad art mhux ħażin, anke fost il-ħaddiema, hija l-iskuża illi ‘illum mhux żmien t’hekk’. Din is-superstizzjoni tinżera fost il-poplu minn dawk paxxuti u fil-poter u li ma jridux tibdil fis-soċjetà li jipperikolalhom posthom. Għalkemm kollox jieħu ż-żmien biex jinbidel, iż-żmien minnu nnifsu biss ma jibdel xejn. Kollox jinbidel fiż-żmien, iżda kollox jinbidel bi proċess ta’ kaġun u effett u mhux biż-żmien. Allura l-aktar li tista’ targumenta huwa illi ċ-ċirkostanzi soċjo-ekonomiċi ta’ xi żmien jistgħu jkunu inqas favorevoli minn ta’ żminijiet oħra fir-rigward tal-militanza spontanja. Imma dan l-argument għandu tifsira totalment differenti minn ta’ qablu, għax iċ-ċirkostanzi soċjo-ekonomiċi huma fil-kontroll tal-bniedem, jekk mhux għalkollox imma biżejjed biex il-bniedem jibdilhom. Allura l-ħaddiem dejjem jista’ jaħdem biex joħloq ċirkostanzi li jiffavorixxu l-militanza spontanja.

1  Rapport dettaljat jidher f’ “Il-Berqa” tal-25 ta’ Awwissu 1943.

2  “L-ordni tal-ispontanjetà fil-Moviment tal-Ħaddiema” minn Sammy Meilaq (“it-Torċa” tal-20 ta’ Jannar 1985).