Il-Libjani maqgħudin

image
Gonzi għand Gaddafi qabel ma bdiet il-gwerra kontra tiegħu

Ħadd ma jaf eżatt kemm hemm gvernijiet fil-Libja, għalkemm nafu li hemm tnejn ewlenin, wieħed fi Tripli u ieħor f’Bengażi. Iżda mbagħad tista’ tgħid li kull belt għandha l-gvern tagħha. Iżda għalkemm hemm din il-firda kollha, il-Libjani qedgħin jaqblu dwar ħaga waħda, dik li ma jridux indħil militari barrani. U bir-raġun kollu huma qedgħin jopponu l-interventi militari mill-Istati Uniti, minn Franza, mill-Italja u mill-Ingilterra, li bħalissa kollha qedgħin jindaħlu bil-moħbi militarment fil-Libja.

                                                                                   

Il-Libjani illum jafu kemm marru minn taħt bil-gwerra li l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea wettqu fil-Libja biex joqtlu lil Gaddafi. Jafu li t-30,000 Libjan li nqatlu f’din il-gwerra ġew sagrifikati taparsi biex tidħol id-demokrazija fil-Libja. Flok demokrazija hemm ħerba sħiħa u falliment sħiħ. Biex tagħqad issa l-Libjani għandhom ukoll provi dokumentati li huma ġew ingannati mill-Istati Uniti u mill-Unjoni Ewropea. Dan l-aħħar ġew mikxufa emails sigrieti tal-gvern tal-Istati Uniti li juru ċar u tond li l-iskop ewlieni tal-Istati Uniti u tal-Unjoni Ewropea li joqtlu lil Gaddafi kien il-kisba taż-żejt Libjan, kif ukoll li jwaqqfu lil Gaddafi milli joħloq sistema ta’ kummerċ ibbażata fuq id-deheb flok fuq id-dollaru Amerikan, li tkun tgħodd kemm għall-bejgħ u xiri taż-żejt kif ukoll għal prodotti oħra. Il-Libja għandha l-akbar ammont ta’ riservi ta’ żejt mill-pajjiżi kollha tal-Afrika.

L-għadab tal-Libjani kontra l-indħil militari barrani deher ċar f’Lulju li għadda meta l-armata Libjana waqqet helicopter li kien qiegħed itir fuq il-Libja bla permess. Wara li twaqqa’ instab li kien helicopter militari tal-gvern Franċiż. Peress li mall-waqa’ mietu tlett Franċiżi il-president Hollande ta’ Franza kellu jammetti pubblikament li Franza kienet qiegħda tindaħal militarment u illegalment fil-Libja. Malli ħarġet l-aħbar tat-twaqqigħ ta’ dan il-helicopter mill-armata Libjana saru dimostrazzjonijiet kbar mill-Libjani kontra l-gvern Franċiż. Dawn id-dimostrazzjonijiet saru fi Tripli, Bengażi, Miżurata u diversi bliet oħrajn.

Bla dubju, l-ajruplan tas-servizz sigriet Franċiż li dan l-aħħar waqa’ meta kien ser itir minn Malta, jikxef li l-kbarat tal-Unjoni Ewropea għadhom determinati li jkomplu bl-attaki militari fil-Libja, flok jindmu minn dak li wettqu u jpattu għalieh billi jgħinu lill-Libjani jerġgħu jibnu pajjiżhom.