L-aħħar aħbarijiet mill-Libja juru kemm il-gvern ta’ Serraj, li hu appoġġjat mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Uniti, ma jistax jasal biex jgħaqqad lill-poplu Libjan warajh. Tant il-Libjani huma kontra tiegħu illi ftit ilu sa waslu li sar attentat fuq il-ħajja tiegħu waqt li kien qed jiġi misjuq fi Tripli eskortat minn gwarja armata. Għalkemm huwa rnexxielu jeħlisa ħafif meta ġew sparati tiri lejn il-karozza tiegħu, żewġ gwardji tiegħu sfaw midrubin. Dawk li wettqu l-attakk ma nqabdux.
Il-Libjani huma kontra Serraj għaliex huwa qiegħed jiġi immexxi skond ma jridu il-kbarat tal-Istati Uniti u tal-Unjoni Ewropea, flok imexxi skond l-interessi tal-poplu Libjan.
Dan l-aħħar ukoll, il-Libyan National Oil Corporation iffirmat ftehim mar-Russja biex il-kumpanija taż-żejt Russa Rosneft tinvesti fl-industrija taż-żejt fil-Libja u tieħu parti, kemm billi tinvesti fil-produzzjoni taż-żejt, kif ukoll fit-tfittix għaż-żejt. Issa l-bjar taż-żejt Libjani tista’ tgħid li kollha jinsabu fil-kontroll tal-gvern Libjan ieħor, dak tal-ġeneral Haftar, li huwa għal kollox kontra l-gvern ta’ Serraj.
Sa dan it-tant l-immigrazzjoni mill-Libja lejn l-Ewropa għadha bla kontroll, u l-baħar ta’ madwarna għadu jservi ta’ ċimiterju għal eluf ta’ bnedmin innoċenti li qedgħin jaħarbu mill-gwerrer tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti fil-Lvant Nofsani u l-madwar.
Mit-traġedja tal-Libja l-akar li sofrew huma l-Libjani infushom. Iżda imbagħad mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea kienet Malta li marret l-agħar. Tlifna ix-xogħol, tlifna l-investiment, tlifna is-sigurta ta’ pajjiż ġirien stabbli, u ntlaqatna minn immigrazzjoni bla kontroll. Dan kien il-premju li ħadna mill-Unjoni Ewropea talli konna kompliċi fil-gwerra kontra Gaddafi.