Jeremy Corbyn għadu kif wettaq rebħa storika fl-elezzjoni għal mexxej tal-partit laburista fl-Ingilterra. Huwa reġa’ ġie ikkonfermat mexxej billi kiseb 62% tal-voti, żieda mill-vot ta’ 59.5% li kien ġab is-sena li għaddiet. L-isfidant tiegħu Owen Smith kiseb 38% tal-voti. Fl-elezzjoni għal mexxej laburista jivvotaw il-membri kollha tal-partit, li kemm ilu Corbyn fit-tmexxija telgħu għal aktar minn 500,000 membru.
Din ir-rebħa għandha sinifikat kbir ħafna, kemm għal Malta kif ukoll għall-kumplament tal-Ewropa. Il-konferma ta’ Jeremy Corbyn turi kemm l-għajta għas-soċjaliżmu qiegħda dejjem tikber. Il-programm ta’ Corbyn huwa iddikjarat soċjalista ta’ veru, mhux taparsi.
Barra minn hekk Corbyn huwa mexxej maħluf kontra l-gwerrer u kontra l-attakki militari li jsiru mill-Istati Uniti, mill-Unjoni Ewropea (inkluż mill-Ingilterra) u mir-Russja, b’mod partikolari fil-Mediterran u fil-Lvant Nofsani. Il-politika tal-partit laburista Ingliż issa se tkun waħda ta’ “conflict resolution“,kif isejħilha Corbyn inniffsu. Din tfisser li jekk il-partit laburista Ingliż ikun fil-gvern, l-Ingilterra tieqaf titfa’ l-bombi u toqtol in-nies pajżana, tieqaf iżżid in-numru ta’ refuġjati jaħarbu mill-bombi, u tieqaf tbiegħ il-bombi u l-armamenti lill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani. Tfisser ukoll li l-Ingilterra taħdem għall-paċi bl-għodda diplomatiċi li jferrqu lin-naħat li jkunu qedin jitqabdu.
Għal Malta u għall-Mediterran dan huwa żvilupp ta’ importanza enormi. Huwa fl-interess tal-poplu Malti u tal-popli l-oħra ġirien tagħna li l-partit laburista Malti jagħti l-appoġġ kollu lil Jeremy Corbyn.