L-Onorevoli Ministru Carmelo Abela ftit tal-ġranet ilu ħabbar li s-sena d-dieħla, meta Malta jkollha l-presidenza tal-Unjoni Ewropea, se tiġi mġedda l-politika tal-UE dwar l-azzjonijiet kontra l-kriminalita organizzata. Dan it-tiġdid ikun jgħodd għas-snin mill-2017 sal-2020. Il-Ministru semma’ l-miri ewlenin ta’ din il-politika, miri li Malta wkoll ser tieħu sehem fihom. Dawn huma l-immigrazzjoni illegali, id-droga, il-frodi bil-cards, u l-isfruttar sesswali tat-tfal. Dawn żgur li huma miri importanti. Qal ukoll li l-kriminalita organizzata illum taħdem bla fruntieri, allura trid tiġi miġġielda billi jkun hemm ħidma flimkien bejn il-forzi tal-pulizija ta’ diversi pajjiżi. Dan huwa minnu wkoll. Jekk ma jkunx hemm koperazzjoni bejn pajjiż u ieħor ikun ħafna aktar diffiċli li l-kriminalita organizzata tiġi miġġielda.
Dak li qal il-Ministru,iżda, juri li l-kriminalita organizzata fis-sistema bankarja mhux ser tkun waħda mill-miri tal-UE u ta’ Malta għas-snin li ġejjin. Matul dawn l-aħħar snin il-każijiet ta’ kriminalita organizzata f’dan il-qasam dejjem komplew jiżdiedu u jikbru, speċjalment fost il-banek privati ewlenin tad-dinja. Il-manipulazzjoni tar-rati tal-kambju, il-frodi, l-ingann bl-investituri, il-falsifikazzjoni tal-kontijiet, il-ħasil tal-flus ġejjin mid-droga, u l-operat ta’ banek-moħbiet ( tax havens) kienu ġrajjiet regolari matul dawn l-aħħar snin. Il-flus li jsiru minn din il-kriminalita jammontaw għal biljuni kbar ta’ euro kull sena.
Hemm żewġ raġunijiet ewlenin li jgħinu lill-kriminali li joperaw f’dan il-qasam. Waħda hija l-politika tal-UE li ma tħallix lill-gvernijiet jirregolaw u jinvolvu ruħhom fil-banek privati, bl-argument illi aktar ma’ l-banek privati jkunu bla xkiel, l-ekonomija timxi aħjar. Dan l-argument illum kullħadd jaf li huwa ħrafa, għax qatt ma fallew banek privati daqs kemm fallew kemm ilha titħaddem din il-politika tal-UE. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-każijiet ta’ din il-kriminalita ma jinqabdux mill-forzi tal-ordni tal-gvernijiet, iżda jinkixfu jew minn ġurnalisti investigattivi jew minn xi whistle blower, għax il-gvernijiet ma jkunux jistgħu jkunu jafu sew x’ikun għaddej. Dan juri wkoll li bla dubju hemm ħafna aktar każijiet li ma nqabdux.
Ir-raġuni l-oħra hija li meta xi każ ta’ kriminalita organizzata fis-sistema bankarja jinkixef u jittieħdu passi, il-każ lanqas biss jitqies bħala wiehed kriminali! Jitqies biss bħala każ fejn il-bank ikkonċernat jiġi immultat somma ta’ flus, dejjem anqas milli jkun għamel il-bank jew il-kapijiet tiegħu permess tal-kriminalita. ( L-eċċezzjoni f’dan il-każ hija Iżlanda, fejn il-kriminali fil-qasam tas-sistema bankarja jiġu proċessati kriminalment u dawk misjubin ħatja jintbagħtu l-ħabs. Iżda Iżlanda mhix fl-Unjoni Ewropea).
Dawn iż-żewġ raġunijiet li qedgħin ikabbru l-kriminalita jistgħu jiġu mwarrbin mingħajr ħafna sforzi kbar mill-Unjoni Ewropea. Iżda jidher ċar minn dak li qal il-Ministru Abela li l-kriminalita fil-qasam tas-sistema bankarja lanqas biss m’ hija ser tiġi ikkonsidrata matul is-snin li ġejjin. Ir-riżultat ser ikun aktar każijiet ta’ kriminalita organizzata f’dan il-qasam fl-Unjoni Ewropea.