Il-Kbarat tal-Unjoni Ewropea għal ġewwa l-Lazzarett

Ftit tal-ġranet oħra, fil-25 ta’ Marzu,il-kbarat tal-Unjoni Ewropea se jiċċelebraw is-sittin sena minn meta bdiet tingħaqad l-Ewropa. Dan il-bidu seħħ bit-Trattat ta’ Ruma fl-1957 li beda’ il-formazzjoni tas-Suq Komuni Ewropew. Għalhekk iċ-ċelebrazzjoni se ssir ġewwa Ruma u se ssir ukoll laqgħa tal-kbarat dwar il-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea.

Iżda l-kbarat jafu wkoll li l-maġġjoranza tan-nies fl-Unjoni Ewropea m’humiex jaqblu mal-mod kif il-kbarat qedgħin imexxu u jridu tibdil kbir. Ħafna oħrajn tant qatgħu qalbhom li l-affarijiet jirranġaw li jridu li l-Unjoni Ewropea iżżarma għal kollox. Sena wara l-oħra l-Ewropej raw qagħad dejjem jikber, ix-xogħol isir dejjem aktar prekarju, servizzi soċjali jittnaqqsu, banek ifallu u gwerrer iżidu l-immigranti u r-refuġjati.

Minħabba din is-sitwazzjoni l-kbarat qedgħin jistennew li waqt li huma jkunu qedgħin jiċċelebraw, jinġabru in-nies biex jipprotestaw kontra tagħhom u jħarbtulhom kollox. Lanqas ħaqq kemm ikunu ippreparaw imwejjed, ikel u mużika.

Allura l-inħawi ta’ Ruma ta’ fejn se ssir il-laqgħa u iċ-ċelebrazzjoni ġew iddikjarati bħala “inħawi ta’ sigurta massima”. Imbagħad ġew maqsumin f’żewġ żoni. Waħda sejħulha iż-Żona Blu, fejn il-kbarat jittħallew jiċċelebraw. Imbagħad din iż-Żona Blu hija mdawwra b’żona akbar li sejħulha iż-Żona Ħadra fejn ħadd ma jkun jista’ jidħol u li tkun mimlija bil-pulizija armati ta’ kontra l-irvellijiet. Se jkun hemm ukoll truppi tal-pulizija bil-klieb biex jekk xi dimostranti jippruvaw jidħlu biex jipprotestaw allura jkesksu l-klieb għalihom.

Dan kollu jfisser li l-kbarat tal-Unjoni Ewropea se jkollom jiċċelebraw is-sittin anniversarju ġo lazzarett!