MINN SAMMY MEILAQ PRESIDENT FRONT MALTIN INQUMU
Il-poplu Grieg, li bħal kull poplu ieħor huwa kompost l-aktar mill-klassi tal-ħaddiema, issa ilu aktar minn tmien snin jinħaqar mill-kbarat tal-Unjoni Ewropea bl-iskuża u l-gidba tal-kriżi finanzjarja. Meta seħħ il-falliment, biex jiġu salvati l-banek Ġermanizi u Franċiżi li kienu spekulaw kemm felħu, il-kbarat tal-Unjoni Ewropea imponew self fuq il-gvern Grieg li l-kundizzjonijiet marbuta miegħu kienu kollha jolqtu biss lill-klassi tal-ħaddiema.
Dawn il-kundizzjonijiet kienu li jiżdiedu it-taxxi diretti; li jonqsu l-pagi, l-penzjonijiet, u l-benefiċċji soċjali; li jitrażżan id-dritt tal-istrajk mill-ħaddiema waqt li dawk li jħaddmu jitħallew jistrajkjaw kontra l-ħaddiema bla xkiel ta’ xejn billi jkunu jistgħu jissensjaw lill-ħaddiema anke bla raġuni ta’ xejn; u li l-assi tal-poplu, inkluż il-portijiet, settur tal-enerġija, eċċ, jinbigħu lill-privat bi prezzijiet baxxi ferm. Il-kbarat wegħdu lill-poplu Grieg li dawn il-kundizzjonijiet se jwasslu biex is-sitwazzjoni tiġi għan-normal fi ftit tas-snin. Iżda flok l-affarijiet ġew għan-normal, issa li għaddew tmien snin u aktar, l-ekonomija tal-Greċja ċkienet b’madwar 25%, il-qagħad huwa ta’ aktar minn 20%, u il-faqar jilħaq madwar 35% tal-poplu.
Hawnhekk forsi wieħed jistaqsi “imma seta’ sar mod ieħor?”. U żgur li seta’ sar mod ieħor. Il-prova li seta’ sar mod ieħor tidher ċara daqs il-kristall minn dak li seħħ ġewwa l-Islanda.
Fl-2008 il-banek privati tal-Islanda fallew għal kollox għax kienu spekulaw u abbużaw kemm felħu, u b’riżultat l-ekonomija tal-Islanda ħadet daqqa enormi. Il-falliment tal-Islanda tant kien kbir li kien l-akbar falliment finanzjarju, ras għal ras, fl-istorja tad-dinja! Iżda l-poplu tal-Islanda, għax poplu ħieles u mhux maħkum mill-kbarat li jmexxu l-Unjoni Ewropea, għadda minn storja differenti milli għadda l-poplu Grieg.
Il-gvern tal-Islanda l-ewwel ma għamel kien li arresta lis-sidien tal-banek privati li kienu abbużaw, ikkonfiskalhom il-propjetà, akkużhom quddiem il-qorti, instabu ħatja u ntbagħu l-ħabs għal diversi snin. Lill-banek barranin li kellhom jieħdu minn għand il-banek tal-Islanda il-gvern qallhom li jridu jistennew, jekk xejn għax huma kienu kompliċi fil-falliment. Il-gvern ordna ukoll capital controls li jżomm milli joħorġu flus barra mill-pajjiż. U b’hekk, wara biss sentejn, fl-2010, l-ekonomija tal-Islanda reġet bdiet tirkupra tant li illum l-Islanda hija, skond il-Ġnus Magħquda, id-disa’ l-aktar pajjiż żviluppat fid-dinja, ras għal ras. X’differenza minn dak li għadda minnu, u għadu għaddej minnu l-poplu Grieg! Imma l-poplu tal-Islanda huwa poplu ħieles u seta’ jiddeċiedi, waqt li dak Grieg jinsab taħt it-takkuna ta’ Brussles.
Dawn il-fatti ċari juru kemm il-politika tal-kbarat tal-Unjoni Ewropea hija waħda ta’ moħqrija taż-żgħir u tal-ħaddiema waqt li tissussidja lill-kbarat bi flus il-poplu. Imma barra minn hekk turi ċar ukoll kemm poplu irid ikun ħieles biex verament ikun jista’ jiddefendi l-bżonnijiet tiegħu.