Il-Gvern Malti u l-flus fil-Panama

panama-papersIl-gvern Daniż ftit ilu irnexxielu jakkwista kopja tad-dokumenti tal-Panama Papers. Dawn id-dokumenti fihom l-informazzjoni dwar kull min ħeba l-flus fil-Panama biex ma jħallas it-taxxa li suppost iħallas, kif ukoll kemm ħeba flus kull wieħed. Il-gvern Daniż ħallas somma ta’ flus biex irnexxielu jakkwisthom minn sorsi anonimi. B’din l-informazzjoni f’idejh il-gvern Daniż issa beda jinvestiga 600 każ ta’ Daniżi fuq evażjoni tat-taxxa.

 

Jidher ukoll li diġa hemm gvernijiet oħrajn fl-Unjoni Ewropea li jixtiequ din l-informazzjoni biex ikunu jistgħu jinvestigaw huma ukoll il-każijiet ta’ pajjiżhom. Dawn qedin jistaqsu lill-gvern Daniż kif jistgħu jakkwistaw l-informazzjoni.

 

Il-gvern Malti ukoll għandu l-obbligu li jagħmel dan u jitlob lil gvern Daniż kif jista’ jkollu l-informazzjoni ta’ dawk il-Maltin li għandhom il-flus moħbijin fil-Panama biex ma jħallsux it-taxxa.

 

Tajjeb li nfakkru li f’Mejju li għadda, ftit wara li faqqa’ l-iskandlu tal-Panama, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien ħa parti fil-konferenza għolja ġewwa Londra dwar il-korruzzjoni tal-evażjoni tat-taxxa. F’din il-konferenza, mimlija prim ministri u presidenti ta’ ħafna pajjiżi, kien sar qbil minn kullħadd li biex tiġi miġġielda il-korruzzjoni il-gvernjiet jgħaddu l-informazzjoni li jkollhom lil xulxin biex kull gvern ikun jista’ jinvestiga.

 

Allura aktar u aktar nistennew li l-gvern jieħu passi kif ukoll li jinforma lill-poplu x’inhu jagħmel dwar dan il-każ.