Il-Gvern għadu jxandar il–Kuntratti.

Ħafna drabi il-gvern Laburista qieħed jitqanzah biex ixandar il-kuntratti li jkun għamel fil-ħidma tiegħu ekonomika u soċjali. Dan hu żball li ma jagħmel ġid lil ħadd, lanqas lill-istess gvern. Dan l-aħħar il-Ministeru għal Għawdex ġie ordnat mid-Data Protection Commissioner biex ixandar il-kuntratti li għamel ma’ diversi konsulenti. Dan seħħ wara li l-Ministeru kien qiegħed jirrifjuta talba mill-ġurnal Times of Malta biex ixandarhom.

Il-gvern daħal ukoll f’kuntratt ma’ Vitals Global Healthcare li bih mistenni li jsir investiment ta’ madwar 220 miljun euro f’Karin Grech, St Luke’s, u l-isptar ta’ Għawdex, u mistenni joħloq mijiet ta’ impjiegi. Hawnhekk ukoll il-gvern qiegħed jirrifjuta li jxandar il-kuntratt, u żewg unions, il-UHM u il-MAM, għamlu protest fil-qorti biex il-gvern jippubblikom.

Hemm bosta raġunijiet għaliex il-gvern, ovvjament wara li jkun għalaq in-negozjar u ffirma kuntratt, għandu jxandru, fosthom:

(1) Il-gvern ikun rabat lill-poplu bil-kuntratti li jidħol fihom, allura il-poplu għandu id-dritt kollu  li jkun jaf f’hiex ġie imdaħħal mill-gvern tal-ġurnata u kif se jintlaqat.

(2) Il-poplu għandu wkoll id-dritt li jwieżen u li jqis jekk il-gvern mexiex tajjeb jew le, jekk il-gvern għamilx ħiltu kollha jew jekk setax għamel aħjar. Il-poplu iżda ma jistax jagħmel dan jekk il-kuntratti ma jkunux imxandra.

(3) L-aqwa awditur huwa l-poplu. Allura l-gvern tal-ġurnata jkun qiegħed jipproteġi lilu nniffsu mill-possibiltà li jidħol f’kuntratti, jew li jaċċetta xi klawsoli fil-kuntratti, li ma jkunux ta’ qwadann għall-poplu, għax ikun jaf bil-quddiem li l-poplu se jiġġudika il-kuntratt.

Fil-każ tal-kuntratt tal-isptarijiet, il-ħaddiema li ħobżhom jiddependi minn dan il-kuntratt għandhom id-dritt mhux biss għall-informazzjoni, imma wkoll li jkunu imdaħħlin, permezz tal-unions, biex jieħdu parti waqt in-negozjar qabel ma jiġi iffirmat il-kuntratt.  Dan huwa human right li l-ebda gvern ma għandu jċaħħad.