Il-konflitt politiku bejn il-Perit Mintoff u Alfred Sant illum huwa ġrajja li għalkemm għaddiet, jixraq li tkompli tiġi analizzata. Dan il-konflitt kien laħaq il-quċċata tiegħu nhar it-Tlieta 7 ta’ Lulju 1998 meta Alfred Sant tilef il-gvern wara li Mintoff ivvota kontra tiegħu. Il-Front Maltin Inqumu qiegħed ixandar ir-rakkont dwar din il-ġrajja kif għadda minnha Sammy Meilaq li kien kontinwament mal-Perit Mintoff waqt dan il-konflitt. Ir-rakkont huwa tal-kapitlu 25 “Il-Konflitt Bejn Mintoff u Alfred Sant” mill-ktieb Biċċiet Minni ta’ Sammy Meilaq.
Meta nħares lura bil-kalma, il-kalkoli tiegħi jgħiduli li l-konflitt bejn Mintoff u Alfred Sant kien inevitabbli. Id-differenzi bejn iż-żewġ personaġġi jispikkaw fil-linja politika, fil-metodu, kif ukoll fil-karattru tagħhom. Mintoff wettaq għax ħaddan politika xellugija, waqt li Sant ried linja politika aktarx ċentrista bil-mira li jiġbed appoġġ ikbar. Mintoff wettaq permezz tal-konfront, waqt li Sant il-konfront jaħarbu kemm jiflaħ. L-Università ta’ Oxford ma kissritx l-għeruq Bormliżi ta’ Mintoff, li baqa’ spontanju, jissogra, u jiddeċiedi malajr anki jekk fuq qies mhux elaborat. Dik ta’ Harvard jidher li sawret lil Sant f’mexxej intellettwali li jiddeċiedi wara studji, stħarriġ tal-opinjoni, u pariri ta’ esperti. Biex tagħqad imbagħad jixxiebhu biss li t-tnejn rashom iebsa.
Iżda jekk il-konfront kien inevitabbli li jseħħ, ma jfissirx li bilfors kellu jispiċċa bla ftehim wara li ħa l-mixja tiegħu.
Minn xhur qabel l-elezzjoni ta’ Ottubru 1996, Mintoff kien bejn ħaltejn jekk jikkontestax. Mhux għax ma xtaqx jibqa’ attiv fil-politika, iżda għaliex kien diġà qed iħossu barra minn postu bil-mod kif kienu mexjin l-affarijiet fil-partit taħt Alfred Sant. Kien kritiku ħafna, anki pubblikament, għall-mod kif Sant kien qed jiċċentralizza l-operat tal-partit, bl-uffiċjali impjegati jingħataw importanza aktar mill-voluntieri u mill-kumitati lokali. B’danakollu, kemm jien, kif ukoll Joe Paris, Ġorġ Schembri, u diversi partitarji oħra ħeġġiġnieh biex jikkontesta għat-tieni distrett. Qisna li dan ikun jaqbel kemm għalih kif ukoll għall-partit.Iżda mill-ewwel inqalgħu l-problemi.
Mintoff ma kienx qed jaqbel li waqt il-kampanja elettorali, il-partit ma jsemmix id- dejn nazzjonali dejjem jikber u kif dan se jiġi mrażżan. Ried ukoll li t-tixrid dejjem jiżdied tad-droga jkun fuq l-aġenda tal-elezzjoni. Lanqas ma kien qed jaqbel mad-deċiżjoni tal-partit li waqt il-kampanja ma jsirux meetings distrettwali fil-beraħ għall-pubbliku. Ried ukoll li l-konvinzjonijiet Soċjalisti jitpoġġew b’iktar prominenza quddiem l-elettorat. B’danakollu jien ċert li Mintoff fil-qalb ta’ qalbu l-iktar ħaġa li xtaq kienet li jikkontesta, għax il-politika dejjem kienet ħajtu u ruħu. Lanqas m’għandi dubju li Alfred Sant xtaq dan ukoll, għax bil-voti Mintoffjani mifruxin ma’ Malta kollha kien se jkabbar il-possibilità tar-rebħa.
Joe Paris u jien konna mdaħħla f’diversi kuntatti mal-partit bl-iskop li jintlaħaq ftehim dwar dawn il-kwistjonijiet. Din il-medjazzjoni wasslet biex fil-25 ta’ Settembru 1996 kellna laqgħa ma’ Alfred Sant fil-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista fil-Ħamrun. Għalkemm din il-kwistjoni tal-kandidatura ta’ Mintoff kienet qed tkompli żżid mal-pressjoni li kull mexxej ta’ partit jgħaddi minnha waqt kampanja elettorali, kif ukoll kien evidenti li aħna konna aktar qrib ta’ Mintoff, Sant ma kien skomdu xejn jitkellem magħna. Fehem li konna qegħdin nippruvaw inqarrbuhom lejn xulxin. Iżda l-laqgħa xorta waħda spiċċat bla ftehim. Morna lura għand Mintoff u infurmajnieh bl-aħħar sitwazzjoni. Naħseb li Sant attwalment ma kienx kontra l-meetings fil-beraħ imma ħassu skomdu bit-tendenzi spontanji ta’ Mintoff li ma tistax tgħid biex ifettillu joħroġ waqt id-diskorsi tiegħu.
Iżda fejn ma wasalniex aħna, wara jum wieħed biss irnexxielu jasal John Dalli, il-Membru Parlamentari Laburista. Huwa wkoll kien qiegħedjagħmel ħiltu kollha biex jgħaqqad iż-żewġ naħat. Kif eżattament irnexxielu għadni sal-lum ma nafx!
Fit-tliet ġimgħat ta’ wara, il-kampanja elettorali kienet tellieqa mal-ħin. Joe Paris, Ġorġ Schembri, u jien konna kuljum ma’ Mintoff, norganizzaw il-meetings pubbliċi, induru l-kostitwenti bieb bieb, inkellmu l-partitarji fil-każini fil-lokalitajiet maġġuri mhux biss fit-tieni distrett iżda r-Rabat, il-Gżira, Ħaż-Żebbuġ, Birżebbuġa u bnadi oħra. Fit-toroq u fil-każini ħeġġiġna lil kulħadd biex jivvota Labour u Mintoff dejjem ġie milqugħ b’emozzjoni u b’entużjażmu kbir.
Ma ninsa qatt meta darba minnhom morna l-każin Laburista tal- Mellieħa. Bħas-soltu ltqajna għand Mintoff Ħal Tarxien. U bħas-soltu, Duminku Gafà, li dik il-ħabta kien isuq lil Mintoff, poġġa fil-karozza l-barżakka ta’ Mintoff li ġġorr it-termos mimli bil-kafè.
Meta konna wasalna Burmarrad, il-Perit, ħabta u sabta, qal lil Gafà biex jieqaf ħalli ninżlu u flimkien nieħdu l-kafè taħt xi siġra. Inżilna, u hekk kif Gafà fetaħ il-barżakka rajtu jxoqq l-għaraq għalih. Kien nesa jpoġġi t-termos ġewwa l-barżakka qabel poġġieha ġol-karozza! Gafà stenna s-soltu għajjat, iżda oħroġ il-għaġeb il-Perit qallu, “Ma ġara xejn b’daqshekk. Issa nieħdu kafè mill-każin tal-Labour.” Wasalna l-każin u waqt li Mintoff beda jitkellem mal-partitarji, Gafà daħal wara l-bar jagħmel il-kafè għal Mintoff u għalina. Tajjeb li ngħid ukoll illi l-kafè tat-termos ma nħeliex, għax meta wasalna lura Ħal Tarxien għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija, il-Perit qal li issa reġa’ sar il-ħin biex nieħdu belgħa kafè oħra. Gafà daħal ġewwa, ġab it-termos, u f’kemm trodd salib xrobna l-kafè flimkien bilwieqfa f’nofs it-triq quddiem il-bieb tar-residenza ta’ Mintoff!
Fil-meetings li organizzajna fid-distrett, Mintoff tkellem ċar dwar il-problemi tad-dejn nazzjonali u tat-tixrid tad-droga; il-periklu li nitilfu l-ħelsien b’xi ftehim mal-Unjoni Ewropea; it-twemmin Soċjalista; il-vantaġġi ta’ ekonomija mħallta, fejn kemm il-privat kif ukoll il-gvern jieħdu sehem; u l-inċidenti ta’ vjolenza minn partitarji Nazzjonalisti. Fost kollox fit-8 ta’ Ottubru 1996 fil-Birgu qal, “Aħna dejjem ftaħarna li aħna Soċjalisti u qatt ma bżajna.” 1 Fit-18 ta’ Ottubru fil-Kalkara tkellem dwar it-tixrid tad-droga u qal li l-Partit Laburista għandu jkun impenjat bis-serjetà li jeqridha darba għal dejjem, mhux taparsi, bħalma qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista.2
Sadanittant ma kien qed jidher l-ebda nuqqas ta’ qbil bejn Mintoff u Sant. Fil-fatt waqt intervista mas-“Sunday Times” fit-13 ta’ Ottubru 1996 Sant qal li kien kuntent li Mintoff aċċetta li jikkontesta għall-elezzjoni. Huwa kien ġie mistoqsi wkoll, “But aren’t Mr Mintoff’s recent pronouncements slightly at odds with the message you have been trying to convey?” Sant irrisponda, “Not really. I mean, if you look at how people perceive realities, there are different ways of stating what one believes about the future, and of course, somebody who has a certain age will use the vocabulary of that age.”
Il-ħidma ta’ Mintoff u tal-kandidati l-oħra u l-attivisti fit-tieni distrett ħalliet effett tajjeb ferm fl-elezzjoni. Apparti li Mintoff ġab 6208 voti meta l-kwota kienet ta’ 3314, il-Partit Laburista żied il-perċentwali ta’ voti tant li tella’ erbgħa minn ħames kandidati, suċċess konsiderevoli. Konna ferm sodisfatti bis-sehem li tajna għall-partit u għal Mintoff.
Dan it-temp sabiħ, iżda, ftit li xejn kellu jtawwal. Wara xi nuqqas ta’ qbil f’Novembru 1997 meta l-gvern Laburista ressaq il-Budget għas-sena ta’ wara, il-konflitt reġa’ sploda fis-sajf tal-1998. Għalkemm kien jidher ċar li jeżistu differenzi fil-linji politiċi taż-żewġ protagonisti, fil-qoxra tagħha l-kwistjoni kienet dwar l-iżvilupp tad-daħla ta’ Bormla. Kien hemm ukoll kaġun addizzjonali li kkontribwixxa għall-konflitt. Mintoff kien ta s-sehem sħiħ tiegħu waqt il-kampanja elettorali biex il-partit rebaħ il-gvern. Assolutament ma kienx qed jistenna li jingħata xi ministeru, anzi fehem li dan ma kienx ikun jaqbel. Iżda mill-banda l-oħra lanqas ma stenna li l-ħidma tiegħu tiġi mwarrba għalkollox kif fil-fatt kien qiegħed jiġri. Naħseb ukoll li kien qed jiddejjaq li l-ħidma tiegħu tal-imgħoddi kienet qed titneħħa mill-prominenza qisu kienet xi piż fuq il-partit.
Il-konflitt kompla l-iktar fid-diversi dibattiti fil-Parlament matul l-ewwel jiem ta’ Lulju 1998, b’Mintoff kritiku għall-aħħar dwar il-pjan tal-gvern,u b’Alfred Sant jgħid li l-vot li jittieħed fil-mozzjoni mressqa mill-gvern se jkun meqjus bħala vot ta’ fiduċja.
Tul il-jiem ta’ din is-saga jien u Joe Paris konna kontinwament mal-Perit Mintoff, għandu Ħal Tarxien, miegħu fil-karozza lejn il-Parlament u lura misjuqin minn Duminku Gafà, u waqt il-ħin tal-Parlament nistennewh f’uffiċċju li kien juża fil-bini tal-Palazz isfel. Tul dawn il-jiem ukoll, jien ħeġġiġt lill-Perit Mintoff biex jibqa’ jimbotta dwar il-politika soċjali u l-konvinzjonijiet soċjalisti tiegħu. Dan ġid biss seta’ jagħmel lill-partit u lill-poplu. Fl-istess waqt iżda ħeġġiġtu kemm flaħt biex tinstab soluzzjoni ta’ ftehim u tiġi evitata xi kriżi. Naf fiċ-ċert ukoll li l-istess għamlu dawk kollha midħla ta’ Mintoff, bla eċċezzjoni ta’ ħadd. Darba minnhom anki ġew Ġużè Cassar u Wistin Abela fl-uffiċċju li Mintoff kien juża fis-sular t’isfel fil-bini tal-Palazz, u fil-preżenza tiegħi huma wkoll tkellmu miegħu dwar il-ħtieġa li l-gvern Laburista jibqa’ fil-poter.
Il-vot attwali ttieħed nhar it-Tlieta 7 ta’ Lulju. Qabel ittieħed dan il-vot, Mintoff iddikjara bil-quddiem li kien se jivvota kontra u qal li Alfred Sant kellu tliet għażliet quddiemu: dik li jipposponi d-dibattitu u jibdel il-pjan propost; dik li jwarrab minn mexxej tal-partit u jinstab mexxej ieħor; jew dik li wara li jitlef il-vot jirriżenja minn Prim Ministru u b’hekk il-Partit Laburista jibqa’ fil-gvern. Ovvjament Alfred Sant baqa’ għaddej u tilef il-vot b’35 kontra u 34 favur. Ħriġna lil Mintoff mill-Parlament jien, Joe Paris, u Duminku Gafà mdawrin miegħu flimkien ma’ xi pulizija pajżana aktar fuq quddiem. Kif stennejt, barra kien hemm daqsxejn tal-istorbju b’madwar 50 partitarji Laburisti jgħajtu u jinsulentaw lil Mintoff, waqt li xi uffiċjali tal-partit bdew jikkalmawhom. Meta wieħed iqis l-implikazzjonijiet ta’ dak li kien għadu kif seħħ fil-Parlament, din ir-reazzjoni kienet aktarx mansa.
Id-deċiżjoni kruċjali dwar dan kollu ttieħdet mill-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista li bdiet il-Ħamis 9 ta’ Lulju u kompliet l-għada l-Ġimgħa 10 ta’ Lulju u li għaddiet mozzjoni li “taqbel li għandha tissejjaħ elezzjoni ġenerali fl-iqsar żmien li jkun politikament possibbli.” Għalkemm il-mozzjoni kellha l-appoġġ assolut ta’ Alfred Sant u għaddiet b’maġġoranza enormi ta’ 93% tad-delegati preżenti, fil-ġerarkija tal-partit kien hemm kalkoli opposti dwar din id-deċiżjoni. Dr George Vella, Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament stqarr li,“Jekk id-deċiżjoni tagħna tkun li ma ssirx elezzjoni u l-Prim Ministru jiġi f’pożizzjoni li jgħid li jkun impossibbli għalih li jmexxi, f’isem sħabi l-oħra l-Ministri ngħid li lanqas għalina ma jkun possibbli li nkomplu.” Iżda Dr. George Abela, Deputat Mexxej tal-Partit, ma qabilx. Qal, “Ma nemminx li f’dan il-mument għandha tissejjaħ elezzjoni ġenerali. Ma nista’ qatt naqbel li mmorru fit-tarf aħna stess u mbagħad ngħidu li m’hawnx fejn tmur. Nemmen li għandna nibqgħu naħdmu skont il-mandat li tana l-poplu. Jekk ikun deċiż li mmorru għall-elezzjoni jien nieqaf hawn.” 3 Barra minn hekk Michael Falzon, Segretarju Internazzjonali, kien ukoll kontra. Alex Sciberras Trigona, għalkemm ivvota favur, wera ħafna dubji dwar kemm id-deċiżjoni kienet l-aħjar waħda fiċ-ċirkostanzi u qabel kien insista ħafna li legalment m’hemm xejn li jobbliga lill-partit li jmur għall-elezzjoni. Il-kumplament tal-Membri Parlamentari u tad-delegati appoġġjaw lil Alfred Sant u qablu mal-mozzjoni.
Dr George Abela wera kemm kien konvint fil-fehma tiegħu ftit tal-ġranet wara, fil-15 ta’ Lulju, meta żamm ma’ kelmtu u rriżenja minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Ir-rebħa li għamel il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni mgħajta mill-Partit Laburista wriet illi jekk xejn Dr. George Abela kien l-aħjar matematiku fil-Partit Laburist kollu.
L-effetti immedjati ta’ din il-ġrajja seta’ jarahom kulħadd.
Kemm Mintoff kif ukoll Alfred Sant kienu kkalkulaw ħażin. Il-loġika ta’ Mintoff kienet f’għamla elementari. Alfred Sant assolutament m’għandu x’jirbaħ xejn billi jissogra elezzjoni, speċjalment meta l-popolarità tiegħu kienet naqset u meta kien jinsab f’konflitt intern. Alfred Sant intelliġenti aktar milli biżżejjed biex jifhem dan il-fatt. Allura Alfred Sant, jgħid x’jgħid pubblikament, mhux se jmur għall-elezzjoni u jien nista’ nimbuttah fid-direzzjoni tat-twemmin tiegħi. Iżda Alfred Sant mar! Fit-tlett ijiem ta’ wara t-3 ta’ Awwissu 1998, meta Alfred Sant talab lill-President ta’ Malta biex isejjaħ elezzjoni, Mintoff ingħalaq waħda sew fih innifsu, il-ħin kollu jaħseb bla ma jesprimi xejn.
Alfred Sant għamel żewġ kalkoli ħżiena. Ħaseb li seta’ jqis li Mintoff m’għadux fix-xena u allura m’għandux ikun imdaħħal f’xi ħidma tal-partit jew tal-gvern. Iżda Mintoff, issa ta’ 82 sena, kien għadu qalil aktar minn kull protagonist ieħor fil-kamp Laburista. Sant jidher ukoll li qagħad fuq il-pariri żbaljati tal-“esperti” li serrħulu rasu li jekk jgħajjat elezzjoni jirbaħha. Iżda tilifha.
L-appoġġ għall-Perit Mintoff fost il-Laburisti fil-mument kompla naqas, għalkemm bil-personalità tiegħu u bil-ġrajja warajh ta’ dak kollu li kien wettaq għall-partit u għall-pajjiż xorta baqa’ jgawdi appoġġ imdaqqas. L-istorja għad trid tgħaddi aktar ġudizzju dwar din il-ġrajja. Iżda huwa fatt li triq li twarrab il-kriżi kien hemm. Din kienet it-triq ta’ George Abela, flimkien ma’ Alex Scibberras Trigona u Michael Falzon. Din ma kinitx triq li tagħti raġun lil Mintoff f’dak kollu li kien qed jgħid, u wisq anqas fil-mod kif kien qed jaġixxi. Iżda kienet triq li tħalli l-poter politiku għand gvern Laburista bi tliet snin oħra quddiemu, tul ta’ żmien biżżejjed ħafna biex jintlaħaq ftehim bejn iż-żewġ naħat. Jien konvint ukoll, u dan ngħidu fuq kalkoli tiegħi biss, illi kieku Alfred Sant għażel din it-triq, George Abela kien iwassal għal ftehim. George Abela kien qrib ta’ Sant imma huwa wkoll magħmul raġel minn taħlita ta’ edukazzjoni akkademika mal-kultura tal-ħaddiema tax-xatt u tal-GWU. Fil-qalb ta’ qalbu xi ħaġa tajba kien qed jara wkoll f’dak li kien qed jgħid Mintoff. Barra minn hekk kieku l-partit mar għat-triq ta’ George Abela, huwa kien iħossu aktar mgħobbi bir-responsabbiltà li jwassal għal xi ftehim.
Madwar sentejn u nofs wara dan il-konflitt erġajt kont imdaħħal f’attentat ieħor biex jintlaħaq ftehim bejn Mintoff u Sant. Is-“Sunday Times” tal-25 ta’ Frar 2001 xandret rapport fil-paġna ta’ quddiem taħt it-titlu “Efforts to reconcile Mintoff, Sant”. Fost kollox ir-rapport qal: “The sources said Dr Sant and several party officials have had meetings with former drydocks Chairman Sammy Meilaq and Joe Paris, both of whom are close to Mr Mintoff.” “Sources said at least two meetings have taken place between Mr Meilaq, Mr Paris and Dr Sant. Various other party officials, including Labour MP Evarist Bartolo, were present for the meeting.”
L-attentat kien beda fuq inizjattiva ta’ Ċensu u Victor Agius, żewġ ulied tal-veteran Laburista Kalċidon Agius. Tkompla billi jien u Joe Paris iltqajna ma’ Evarist Bartolo. Qbilna li xi forma ta’ ftehim u ta’ paċi bejn iż-żewġ naħat kien possibbli u li għalhekk għandna naħdmu għalih. Il-ħidma tkompliet u wasslet biex ftit qabel ir-rapport tas-“Sunday Times”, Alfred Sant, Evarist Bartolo, Victor Agius u Joe Paris kienu miġburin għandi d-dar il-Furjana, nieklu flimkien l-għaġin li Liz kienet sajret għal-lest u nixorbu l-kafé. Id-diskussjoni kienet tawlet sa tard filgħaxija u ssemmew diversi possibilitajiet. Spiċċajna b’ħafna intenzjonijiet tajbin inkluż il-possibbiltà ta’ laqgħa fejn kemm Sant u Mintoff ikunu preżenti. Iżda wara ftit taż-żmien anke dan l-attentat falla. Filwaqt li ftehim ma’ Mintoff ma kienx faċli, kien hemm oħrajn fil-kamp ta’ Sant li fixklu milli jintlaħaq xi ftehim.
Fil-każ tal-kontenut politiku ta’ dan il-konflitt jidher li l-istorja diġà bdiet taqta’ favur Mintoff.
Sal-lum li qed nikteb, l-intrapriża privata tat-tixrid tad-droga illegali hija waħda mill-aktar intrapriżi privati li għamlu suċċess finanzjarju u kummerċjali f’Malta. Din l-intrapriża kompliet tikber, bil-management tagħha jsir dejjem aktar effettiv avolja bla kwalifiki akkademiċi; bil-formazzjoni u l-esekuzzjoni ta’ kuntratti avolja dawn isiru bil-kelma biss u allura legalment ma jorbtux; b’sistema ta’ reklutaġġ tant effiċjenti li qatt mhi nieqsa mir-riżors uman avolja ma tistax tirreklama pubblikament; b’kuntatti bżonjużi li jilħqu diversi individwi fl-istituzzjonijiet avolja bil-moħbi; u b’finanzjament assigurat minn profitti kbar, avolja suppost li dawn il-profitti ma jistgħux jinħaslu fil-banek. Vera suċċess fenomenali!
Iżda l-prezz soċjali u finanzjarju li qed iħallas il-poplu minħabba din l-intrapriża ċertament hu enormi. B’danakollu sal-lum jeżisti qbil mhux bil-miktub fost il-forzi politiċi li l-qirda ta’ din l-intrapriża ma tkunx mira politika ewlenija. Jidher li l-forzi politiċi aċċettaw li din l-intrapriża privata qiegħda hawn u ma jimpurtax li tibqa’ hawn. Kellu r-raġun kollu Mintoff jisħaq dwar din il-problema fl-1996.
Waqt il-kampanja elettorali Mintoff kien semma l-periklu tad-dejn tal-gvern, li fi tliet snin kien tela’ minn 1,045 miljun ewro fl-1995 għal 1842 miljun ewro fl-1998. Kien saħaq li l-Partit Laburista għandu jara kif dan jista’ jiġi mrażżan qabel ikompli jikber u jgħakkisna bħala poplu. Kemm kellu raġun Mintoff dakinhar, illum jidher aktar, għax id-dejn tal-gvern Malti sal-2011 kompla tela’ għal 4600 miljun ewro. Dan apparti li sal-2010 ħafna assi tal-poplu kienu diġà ġew mibjugħin lill-privat. Dan id-dejn żarma lill-gvern Nazzjonalista u ġabu f’sitwazzjoni li biex jaħdem ried l-ewwel isib min jisilfu bl-imgħaxijiet li dejjem ikomplu jżidulu mad-dejn. Allura mhux ta’ b’xejn li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema marru lura u n-numru ta’ Maltin jgħixu fil-faqar kompla jikber.4
Anki dwar it-twemmin Soċjalista Mintoff kien qed jara ’l quddiem. Fil-mument kien hemm diversi partiti Laburisti u Soċjalisti fl-Ewropa li bdew ixaqilbu lejn iċ-ċentru politiku u dan deher li qed ikollu effett fuq il-Partit Laburista f’Malta. L-għajta “Soċjalista” bdiet dejjem tingħata anqas u anqas importanza, xi ħaġa li lil Mintoff dejqitu. Lili mhux biss dejqitni iżda ġegħlitni niqliel aktar favur it-twemmin soċjalista li nħaddan. Fir-Renju Unit, Tony Blair kien l-aktar mexxej li ħaddan din it-triq ċentrista u laqqamha “New Labour”. Matul aktar minn għaxar snin fil-gvern miljuni ta’ ħaddiema indunaw li “New Labour” tfisser “Old Tory” u abbandunaw lill-Partit Laburista. Mintoff dan rah bil-quddiem u ma riedx li jiġri l-istess lill-Partit Laburista Malti. Fis-snin ta’ wara, Mintoff, permezz tal-Front Maltin Inqumu, kompla l-kampanja politika dwar it-telfa tal-ħelsien tal-poplu Malti.5
Il-verdett tal-istorja dwar il-metodu goff għall-aħħar ta’ Mintoff għadu ma ċċarax, għax għalkemm triq ta’ ftehim qabel ittieħed il-vot fil-Parlament kien hemm, huwa wkoll għamel kalkoli li fallewlu. Iżda, fil-każ tal-kontenut, il-verdett aħħari tal-istorja għad ipoġġi lil Mintoff bħala l-profeta li f’dan il-waqt ma rnexxilux ikun ukoll sultan u allura ma setax iwettaq.