Il-Budget bla Xogħol Prekarju

Waqt id-diskors tal-budget għas-sena d-dieħla (2017), il-gvern ħabbar li tal-ħwienet se jibdew jitħallew jiftħu fil-Ħdud.

Kemm dan huwa pass għaqli huwa dubjuż għax il-jum tal-Ħadd mhux biss jum ta’ mistrieħ iżda huwa wkoll jum meta wieħed jinġemgħa mal-familja jew mal-ħbieb, xi ħaġa li hija anqas faċli matul il-jiem l-oħra tal-gimgħa. Il-mistrieħ tal-jum tal-Ħadd għandu karattru soċjali li kull ma jmur jista’ jintilef.  Mil-banda l-oħra huwa fatt li ċ-ċirkostanzi moderni jimponu li diversi setturi jaħdmu nhar ta’ Ħadd, fosthom fit-turiżmu, fit-trasport, pulizija, eċċ.

Iżda apparti dan kollu, fil-budget il-gvern ma qalx jekk hux se jordna lis-sidien biex jekk u meta jħaddmu fil-jum tal-Ħadd iħallsu lill-ħaddiema bir-rata ta’ paga doppja, kif suppost. Il-gvern għandu l-obbligu li jara li l-liġijiet industrijali jipproteġu lill-ħaddiema daqs kemm għandu l-obbligu li jgħin lil tal-ħwienet fit-talbiet tagħhom. Barra minn hekk, il-kundizzjoni li meta ħanut jiftaħ il-Ħadd irid jieqaf f’xi jum ieħor, m’għandiex tintuża bħala skuża biex ma jsirx ħlas doppju għall-Ħdud. Jekk il-gvern jonqos milli jobbliga ir-rati doppji għax-xogħol fil-Ħdud ikun qiegħed biss iżid ix-xogħol prekarju għall-klassi tal-ħaddiema f’Malta.