Il-Bastjunajr – mill-ktieb “Bicciet Minni” miktub minn Sammy Meilaq

Għall-okkażjoni tal-anniversarju tat-twelid tal-Perit Mintoff il-Front Maltin Inqumu qiegħed ixandar il-kapitlu numru 28 bit-titlu “Il-Bastjunajr” mill-pubblikazzjoni “Bicciet Minni” ta’ Sammy Meilaq. F’dan il-kapitlu Sammy Meilaq jitkellem dwar il-Perit Mintoff kif jafu huwa mill-qrib.

Jekk imxejt wara xi ħadd fil-politika, imxejt wara l-Perit Dom Mintoff. Waqt din il-mixja  ħdimt miegħu u sirt midħla tiegħu kemm politikament kif ukoll personalment.

L-ewwel ma mxejt warajh kien billi smajtu jitkellem fil-mass meetings, li rari tlift minn mindu kont żagħżugħ. Hemm rajt ukoll il-kariżma tiegħu fl-aqwa  tagħha. Malli jasal kien jiġi milqugħ b’isteriżmu u b’għajjat spontanju ta’, “Il- Perit! Viva l-Perit!”. Mill-banda l-oħra waqt li jitkellem skiet perfett qisek qiegħed il-knisja. Dan jikxef li l-appoġġ li kellu ma kienx mibni minn xi makkinarju imma mill-personalità tiegħu. Darba ħadt miegħi għal mass meeting koppja Skoċċiża, attivisti soċjalisti u midħla sewwa tal-attività tal-massa. Il-kummenti immedjati tagħhom hekk kif raw il-mod isteriku kif il-folla laqgħet lil Mintoff kienu:“Shocking! Shocking! Never seen anything like it before! Must certainly spoil the man!”


Iżda għal Mintoff il-mass meeting kien ifisser ħafna aktar minn hekk. Kien jagħraf sewwa l-vantaġġ tal-kelma bil-fomm. Dik miktuba hija kostanti u bla spontanjetà, mhix suġġetta għar-reazzjoni tal-folla u ma tqanqalx daqs dik mitkellma. Quddiem il-folla kulma tistqarr jgħaddi għall-approvazzjoni, l-indifferenza, jew ir-rifjut tas-semmiegħa. Dan il-ġudizzju, Mintoff kien jaqrah u jqisu sewwa. B’hekk, waqt li qed jgħallem kien ikun ukoll qed jitgħallem. Fuq kollox iżda, kien kapaċi jispjega l-aktar affarijiet kumplikati bl-aktar mod sempliċi biex kulħadd jifhem bl-inqas sforz intellettwali. Kien jaf li aktar ma tkun kbira l-folla aktar irid jitkellem b’mod sempliċi, u aktar ma jitkellem b’mod sempliċi aktar se tkun kbira l-folla. Kien jeċċella fit-tixbiha, fit-taħlit tas-serju mal-komiku, fis-sarkażmu, u kultant jagħti ftit mistrieħ lis-semmiegħa permezz tar-rakkont jew tad-deskrizzjoni. Fuq kollox kien kapaċi jemozzjona lill-folla tant li joħloq isteriżmu kotran.

Għalih, il-mass meeting kien l-għodda ewlenija li biha bena kull kampanja politika tul ħajtu. Jien rajtu wkoll irid il-kwiet tal-għeluq tal-kamra biex jaħseb u jqis sewwa l-messaġġi li jrid iwassal. Iżda mbagħad kollox ġo moħħu u qatt ma dar għal xi kitba biex jara xi jrid jgħid. U kif ipitter dak li jrid jgħid jiġih f’moħħu dak il-ħin, bla sforz ta’ xejn. Kien ukoll jagħti importanza lill-organizzazzjoni tal-meeting. Minn jiem qabel kien jitkellem ma’ Joe Paris, Ġorġ Schembri, Anton Baldacchino u miegħi dwar il-pożizzjoni tat-trakk, id-direzzjoni tat-toroq li jagħtu għall-pjazza, u l-loġistika kollha.

U kuntrarju għal ma jaħsbu ħafna, din il-ħila ma twelditx miegħu. Għadni niftakar lil Matty Grima jgħid li fil-bidu nett anke Mintoff kien iħossu aktarx imgerrex jitla’ fuq it-trakk jitkellem. Jidher iżda li ma damx biex dara!

Għalkemm issa għadda ħafna żmien u kien għad għandi 22 sena, qatt ma nista’ ninsa meta smajtu jhedded bi gwerra ċivili waqt mass meeting fl-Imsida l-Ħadd 2 ta’ Mejju 1971. Il-gvern Nazzjonalista kien qed jipproponi liġi fil-Parlament li biha l-unions kienu se jitilfu s-saħħa kollha għax prattikament kien se jkun impossibbli li jsir strajk minħabba r-riperkussjonijiet legali proposti. Wara li spjega kollox u wara li kien qanqal sewwa l-folla kbira quddiemu, għaqqad kollox billi hedded li jekk in-Nazzjonalisti jibqgħu għaddejjin b’din il-liġi antidemokratika hu kien lest li jibda gwerra ċivili. L-għajjat ta’ approvazzjoni kien isteriku, militanti u jtarrax. Il-liġi proposta mietet mewta naturali.1

Theddida bħal din kienet tkun bla saħħa ta’ xejn u vojta għalkollox kieku saret permezz ta’ xi dokument u mingħajr l-approvazzjoni tal-kotra. F’dan il-każ Mintoff wera l-vantaġġ tal-kelma bil-fomm fuq dik miktuba.

Dan il-meeting ħalla effett kbir fuqi. Rajt b’għajnejja kemm hi b’saħħitha l-azzjoni kotrana. Rajt kif ħidma mill-gvern, fuq medda ta’ żmien u bil-mezzi kollha tal-istat warajh, tista’ tiġi megħluba f’mument daqshekk qasir. Fhimt ukoll illi post il-mexxej huwa biss fuq quddiem nett, lest li jissogra d-deċiżjoni wara li jkun għamel il-kalkoli sewwa.

Meeting ieħor storiku u kontroversjali kien dak għall-ħaddiema tat-tarzna f’Bormla fil-15 ta’ Marzu 1973. Fis-sena ta’ qabel it-tarzna kienet irreġistrat żewġ miljun lira telf wara li għamlet ħames miljun lira xogħol

Mintoff kien informa lis-Senior Management u lill-GWU li għandhom jittieħdu miżuri biex jispiċċa t-telf, iżda ma kien sar xejn. Allura ddeċieda li jkellem hu personalment u direttament lill-ħaddiema tat-tarzna li dak iż-żmien kienu jlaħħqu għal aktar minn 5000 ruħ. Quddiem folla timla Pjazza Gavino Gulia, kif ukoll Triq San Pawl u l-inħawi tagħhom, ħabbar li jrid jispiċċa x-xift, is-salarju tal-management jitnaqqas b’20%, u tidħol il-flessibilità fix-xogħol industrijali.

Il-qofol ta’ kollox intlaħaq meta huwa poġġa d-deċiżjoni dwar dan kollu għal vot tal-ħaddiema. Huwa qal li jew it-tarzna tiġi dikjarata falluta, jew jittieħdu l- miżuri, jew hu jirriżenja. Kien mument mill-aktar emotiv u anke ta’ diżgwid fost il-ħaddiema. Il-maġġoranza, jien wieħed minnhom, ivvotajna favur il-miżuri, iżda kien hemm minoranza li ddiżapprovat billi ma vvutatx u anke bbuwjat.2

Bl-imġiba tiegħu Mintoff wera li assolutament kien konvint minn dak li kien qed jgħid. Naħseb li kien jaf bil-quddiem li jista’ jsib l-iebes; għalhekk daħħal ukoll l-alternattiva tar-riżenja tiegħu għall-vot tal- ħaddiema, li kien jaf li fl-aħħar mill-aħħar se jkomplu jappoġġjawh. Flistess waqt, naħseb ukoll li ma stenniex li se jkun hemm daqshekk oppożizzjoni, għalkemm it-triq li ried hu ġiet aċċettata. L-istorja tatu raġun għax uriet li l-miżuri kienu inevitabbli.3

Dan kollu juri kemm Mintoff fehem l-utilità tal-mass meeting. Fiċ-ċirkostanzi l-ebda komunikazzjoni bil-kelma miktuba ma setgħet twassal għad-deċiżjonijiet meħuda waqt dan il-meeting.

Wara dan kollu, għalhekk, huwa kien kritiku lejn il-Partit Laburista meta dan warrab din l-għodda mill-prominenza meta seħħew l-avvanzi fit-teknoloġija tal-informatika. F’ittra lill-Konferenza Ġenerali tat-23 ta’ Novembru 1997, fost ħwejjeġ oħra huwa kiteb hekk:
“Kelli wkoll tilwim ma’ l-Amministrazzjoni tal-Partit għax jiena kont nemmen u għadni nemmen illi l-media moderni għandhom jiżdiedu mas-saħħa li l-partit dejjem kellu bil-kuntatt dirett mal-elettorat permezz tal-meetings fil-beraħ. Għall-ebda raġuni m’għandna nħallu lill-media jeqirdu din l-arma hekk qawwija li sa ftit snin ilu kellu l-Partit tal-Ħaddiema. B’din l-arma rnexxielna fi ftit snin inwaqqfu u nkabbru Partit mhux biss demokratiku iżda ukoll tal-massa. Mhuwiex għaref min għax idaħħal l-elettriku fid-dar isodd it-twieqi anki binhar. Moħħu jkun dgħajjef min għax idaħħal il-lift ikisser it-taraġ.”


Huwa fatt magħruf li Mintoff, għalkemm mexxa poplu żgħir, irnexxielu jikseb stima kbira fil-kamp politiku internazzjonali. Fl-2003 rajt din l-istima b’għajnejja meta darba minnhom kont miegħu u ma’ Karmenu Mifsud Bonnici d-dar tiegħu Ħal Tarxien. F’ħin minnom qal lil Karmenu “Dwar din il-kwistjoni l-aħjar li nkellmu lil Ben Bella. Taf fejn hu bħalissa, Karm?” Karmenu rrisponda li sa fejn jaf hu jinsab l-Iżvizzera.“Ara tgħidlux jiġi daqsxejn s’hawn ħalli nkellmuh,” kompla Mintoff. Ahmed Ben Bella kien wieħed mill-fundaturi tal-Front Nazzjonali għall-Ħelsien tal-Alġerija, l-aktar mexxej prominenti fil-ġlieda għall-indipendenza ta’ pajjiżu u l-ewwel President tal-Alġerija indipendenti. Wara kien tneħħa b’kolp ta’ stat.

Ġranet wara sibt ruħi f’żewġ laqgħat, Ħal Tarxien ukoll, ma’ Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici, Ahmed Ben Bella u kollega tiegħu mil-Libanu, it-tabib Philip Muscat, Emanuel “Manny” Scicluna, Joe Paris, u Robert Micallef. Aktar minn hekk bqajt impressjonat bil-mod kif Ben Bella għannaq lill-Perit u feraħ bih hekk kif rah, qisu ra lil ħuh li ilu ma jara għal bosta snin.4

Il-Perit gawda wkoll stima kbira fil-fergħa xellugija tal-kamp Laburista Ingliż. Tant li ma neskludix il-possibilità li meta fl-1972 kien qed jiġġieled biex jibdel it-Trattat ta’ Difiża u jġib aktar flus għal Malta, seta’ kellu informazzjoni u għajnuna minn ġewwa l-istess Oppożizzjoni Laburista biex irnexxielu jagħmel rebħa daqshekk enormi. Li hu żgur li Mintoff kien midħla sewwa ta’ ‘Nye’ Bevan, Michael Foot, Barbara Castle u heavyweights oħrajn. Dawn il-ħbiberiji kienu ilhom jinbnew minn meta kien għadu żagħżugħ jistudja Oxford.

Darba minnhom fl-1943, waqt dan il-perjodu ta’ studju, huwa kiteb artiklu għall-magażin xellugi “Tribune” li l-editur letterarju, George Orwell, ma xandarx immedjatament. Bħalma kien isir mal-kittieba kollha, Orwell bagħat erba’ guineas lil Mintoff bħala ħlas. Mintoff kiteb lil Orwell fejn ipprotesta li hu mhux l-erba’ guineas tiegħu ried imma li jfittex ixandarlu l-artiku. Orwell, iżda, daqs il-Perit kien żbukkat għax kitiblu lura u tah ħasla. B’danakollu dan kien biss argument żgħir bejn tnejn fuq l-istess naħa tal-barrikati, argument li fit-tul isaħħaħ il-ħbiberija
mhux idgħajjifha.5

Inqis iżda li l-Perit Mintoff eċċella bħala profeta fil-kamp internazzjonali f’żewġ okkażjonijiet. Ftit wara li tela’ fil-gvern fl-1971 huwa rrikonoxxa liċ-Ċina Komunista flok Tajwan. Dan għamlu bl-aktar mod ċar u sod u meta ħadd fil-Punent ma kien jirrikonoxxi ċ-Ċina l-Ħamra, anzi kienu jimponu sanzjonijiet kontriha. Bil-pass li ħa, Mintoff kien qed ibassar, qabel kull mexxej ieħor, li xejn mhu se jżomm liċ-Ċina milli tkompli tikber, kif fil-fatt ġara sal-lum. B’dan il-pass huwa ta’ bidu wkoll għal kuntatti kummerċjali bejn Malta u ċ-Ċina. Wara Mintoff, il-Punent mhux biss neħħa s-sanzjonijiet iżda kompla wkoll ikabbar il-kummerċ maċ-Ċina. Dan il-pass jiena nqisu bħala kapolavur ta’ Mintoff.

Anke fl-1975 f’Ħelsinki kellu raġun jargumenta li ma jistax ikun hem paċi fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm is-sliem fil-Mediterran. Dan għamlu kontra r-rabja tal-Istati Uniti, tal-Unjoni Sovjetika, u tal-potenzi ewlenin tal-Ewropa. Sal-lum il-popli fil-pajjiżi Musulmani tal-Mediterran għadhom jitqallbu, jew bejniethom, jew minn ġewwa fihom stess, jew kontra l-Iżrael. Sal-lum ukoll bliet ewlenin Ewropej għadhom iduqu l-attakki tal-gwerilli Musulmani fundamentalisti.

Naħseb li fil-qasam tal-ekonomija, l-ewwel kmandament għall-Perit dejjem kien “La taħlix”. Dan fhimtu sew meta darba, ftit qabel l-elezzjoni tal-1992, konna mexjin Triq San Ġorġ, Bormla, fil-parti li tasal ma’ Triq l-Oratorju. Irrimarkajtlu li ż-żonqor tal-art kien ta’ daqsijiet irregolari. “Dak mhu xejn, dak kollu sserrajtu jien,” qalli waqt li b’idu għamel mossa ta’ wieħed qed jisserra orizzontalment u wiċċu kixef turija ta’ sodisfazzjon. “L-esperti riedu li nġib iż-żonqor minn Spanja biex nirrestawraw il-bereġ. Ara jien nistax inħaddem l-Ispanjoli qabel il-Maltin! Għedtilhom jaqtgħu dawn minn taħt, jimlew bit-terrapien, u ż-żonqor maqtugħ nużawh għall-bereġ.” Kien dan l-għaqal li ta lill-poplu Malti l-uniku gvern fl-istorja bir-riservi flok bid-dejn.

Darb’oħra, meta rrimarkajtlu li r-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni kienu tellfuh ħafna appoġġ, qalli, “Jien fejn kont naf li l-poplu Malti aktar ried iċ-ċikkulata Mars milli mediċini, għax daqskemm ġibt mediċini jien ħadd ma kien ġab.”

Sakemm Mintoff kien il-Mexxej tal-Partit Laburista, regolarment ħadt parti, ħafna drabi ewlenija, fid-dimostrazzjonijiet Laburisti, kemm dawk organizzati kif ukoll dawk spontanji. Tant kienu regolari d-dimostrazzjonijiet kotrana fil-Belt Valletta u anke quddiem il-Parlament, li dawk fil-qoxra ta’ quddiem konna drajna lil xulxin sewwa. Konna allura kapaċi mmorru għall-azzjoni spontanja bla ħtieġa ta’ provi bil-quddiem. M’għandix dubju li Mintoff kien jikkultiva sewwa din l-attività bħala wirja ta’ saħħa u ta’ theddida politika. Lanqas, fl-istess waqt, m’għandi dubju li ma kienx jaqbel mal-eċċessi, li mill-esperjenza naf li kien jasal li jċanfar bir-rabja.

Inqis allura li għall-Perit Mintoff  kemm l-istat kif ukoll is-sistema parlamentari kienu għodda u mhux mira aħħarija. Qegħdin hemm biex jintużaw bħal spanner jissikka jew iħoll skorfina. Tibża’ għalih ħafna sakemm jaqdik, iżda meta u fejn ikun hemm bżonn issawtu bil-martell, jew issaħħnu bin-nar biex tgħawġu ħa jidħol fid-djuq, jew anke żżidlu lieva fit-tarf avolja kontra r-regolamenti. Dan mhux abbuż. Dan hu l-aħjar użu biex tikseb l-aqwa riżultat. Għall-imgħallem l-għodda mhix qaddisa minnha nnifisha.

Il-qdusija tinsab fil-ħidma, f’dan il-każ il-ħidma lejn soċjetà aktar ġusta. Tul dan iż-żmien, regolari wkoll kienet il-kritika tal-kapijiet Nazzjonalisti u tal-media tal-lemin kontra din it-tattika kotrana fit-toroq. Tkażaw u kkundannaw. B’disprezz laqqmu lill-kotra ‘il-marmalja soċjalista”. Iżda ma kkundannawx u ma tkażawx bil-pressjoni politika, fid-deher u aktar fil-moħbi, tas-sidien tal-kapital bit-theddid u bl-azzjonijiet ekonomiċi; bit-tfixkil minn dawk f’pożizzjonijiet għolja tal-istituzzjonijiet, kontra t-twettiq tar-riformi tal-gvern Laburista favur il-poplu u l-ħaddiem; u bl-ispekulazzjoni fil-kummerċ li ddgħajjef l-għajxien tal-ħaddiem. Din ukoll hija attività ekstraparlamentari min-naħa tal-marmalja ta’ wħud mis-sidien u ċerti kbarat.

Il-Perit Mintoff kien bniedem li għadda minn ħafna u ħafna. Tant kien sod li ma jitlifx il-konċentrazzjoni lanqas waqt l-aktar mumenti diffiċli, lanqas jekk jara kollox madwaru qed jaqa’. Iżda f’okkażjoni waħda biss rajtu mifxul, aktarx ma jafx x’se jaqbad jagħmel, anke xi ftit imfixkel f’dak li qed jesprimi!

Iċ-ċirkostanzi politiċi li sab ruħu fihom wara l-elezzjoni tal-1981 ma kinux normali, imexxi gvern b’maġġoranza ta’ siġġijiet fil-Parlament waqt li kiseb minoranza ta’ voti fl-elezzjoni. Naf li Mintoff  hekk ma kienx komdu. Xtaq li jirriżolvi din il-kontradizzjoni kmieni, iżda żgur mhux b’mod li jċedi għas-saħħa u l-pressjoni li bdiet tuża l-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Ried li jasal bi ftehim li filwaqt li jassigura li maġġoranza ta’ voti fl-elezzjoni jaċċertaw maġġoranza ta’ siġġijiet, ikun jinkludi wkoll l-istatus tan-newtralità fil-Kostituzzjoni. Dwar dan Mintoff sab oppożizzjoni anke fil-Kabinett Laburista minn uħud li ma ridux li jsir tibdil. Jidher illi anke Eddie Fenech Adami kellu ħjiel sewwa ta’ x’kien għaddej, għax pubblikament irrefera għal dan il-fatt.6 It-triq li jibqa’ fit-tmexxija bla ma jagħmel tibdil Mintoff ma ridhiex. Lanqas ma seta’ jirtira għalkollox mill-ħajja pubblika billi jirriżenja u jgħajjat elezzjoni bla ma jkun sar tibdil fil-Kostituzzjoni. Dan kien joħloq ħafna aktar inkwiet politiku. Għalhekk, it-triq li għażel kienet li jirriżenja minn Prim Ministru u minn Mexxej tal-Partit waqt li jibqa’ jaħdem fil-Parlament biex iseħħ it-tibdil fil-Kostituzzjoni.

Fit-22 ta’ Diċembru 1984 huwa rriżenja minn Prim Ministru. Qabel telaq lejn il-Parlament kont għandu d-dar Ħal Tarxien flimkien ma’ ftit ħbieb oħra. Stedinna biex nixorbu miegħu u niċċelebraw miegħu ‘jum il-ħelsien’ tiegħu, kif sejjaħlu hu stess dak il-ħin. Iżda wara tant snin fil-kmand u fir-responsabbiltà dan ma kienx mument ħafif għalih. “Hekk qaltli Moira lbieraħ, ‘Can you imagine, Dom, tomorrow you’ll be a common man. Can you imagine how you’ll cope?’ qalilna fost diskors mhux dwar politika iżda dwar ħwejjeġ ta’ kuljum. Jien konvint li Mintoff f’dan il-mument ta’ ħajtu kien serjament bi ħsiebu jnaqqas is-sehem tiegħu fil-politika. Warajh kellu ġrajja kbira u twila ta’ ħidma qalbiena għall-poplu u għall-klassi tal-ħaddiema, imma l-ħtieġa tat-tibdil fil-Kostituzzjoni kienet torbtu mal-politika bħal ankra qed torbot vapur. Dan barra li d-dubji ta’ Moira ma kinux fiergħa. Kienet taf sewwa li Duminku ma jafx joqgħod kwiet!

Kemm-il darba qattajt ħin ħieles mal-Perit, ġieli waħedna u ġieli ma’ ħbieb oħra. Imxejna u għomna f’Dellimara, lgħabna l-boċċi, kilna flimkien, ħdimna flimkien fil-ġnien tiegħu, u anke sifirt miegħu. Iżda l-aktar li laqatni l-Perit waqt il-ħin ħieles huwa bid-diskussjoni. Għalkemm il-politika kienet ewlenija fil-ħsibijiet tiegħu, Mintoff kien midħla sewwa tal-oqsma tal-għerf u tax-xogħlijiet intellettwali ewlenin kemm klassiċi kif ukoll moderni. Waqt id-diskussjoni dak li jaf kien jaqsmu bil-ferħ u bl-iktar mod awtentiku, kif iħossha jgħidha. B’hekk, fommu kien għajn bla waqfien ta’ tagħrif u ħsibijiet li jpaxxu u jqanqlu l-intellett ta’ min qed jisimgħu, anke jekk mhux dejjem qed jaqbel miegħu. Meta darba għedtlu li f’ħajti qatt ma kelli ħin għal-letteratura, ċanfarni immedjatament u qalli, “Ħażin. Il-letteratura serja taqdi lix-xjenza wkoll. Ibda b’Coriolanus ħalli dduq lil Shakespeare. Coriolanus għandu jogħġbok lilek. Imbagħad aqra wkoll “History of the World” ta’ Wells.” Ikolli nammetti iżda li sal-lum ħallejthom jistennew it-tnejn li huma wara kju twil ta’ kittieba tal-politika, trejdunjoniżmu, storja, ekonomija, filosofija, u ġrajjiet kurrenti.

Mill-banda l-oħra iżda, fit-twettiq tax-xogħol, l-applikazzjoni prattika għalih kienet tiġi l-ewwel. Id-diskussjoni bżonn iżda mhux iżżejjed. Kemm-il darba ħatafni, bilkemm għadna bdejna xi laqgħa. “Ara tiġix b’ħafna filosofija int! Dak li ma nistgħux inwettqu lanqas biss għandna noqogħdu niddiskutuh.” Għalih il-loġika, mhux l-emozzjoni, kienet l-għodda biex jasal għal deċiżjoni. Għalhekk qatt ma ddejjaq jidħol f’konflitti mhux biss mal-avversarji iżda wkoll ma’ kollegi tiegħu li deherlu li kienu żbaljaw fix-xogħol. Naħseb li fil-fatt kienet aktar innorma għalih milli l-eċċezzjoni li jkun f’konflitt intellettwali. Dejjem deher aktar komdu waqt li jkun f’konflitt milli meta, rari ħafna, ma jkunx. Dejjem deher li għalih l-armonija mhux biss tinsab fil-konflitt iżda tiżdied ukoll proporzjonalment ma’ kemm tiżdied l-intensità tal-konflitt. Imbagħad, dwar kif jispiċċa l-konflitt, kien jammetti li “kulħadd jieħu pjaçir li tgħaddi tiegħu.”

Bħal kull mexxej ieħor li wettaq, Mintoff kien imbuttat minn spiritwalità li kibret ġewwa fih. Ma naħsibx li tista’ tpoġġih f’xi kategorija, għax ruħu nara li hija taħlita ta’ soċjaliżmu militanti bħala soluzzjoni għall-faqar, ta’ Kristjaneżmu suġġett għall-liġijiet tal-fiżika, u ta’ nazzjonaliżmu ta’ poplu żgħir irrabjat wara eluf ta’ snin maħkum. Iċ-ċkejken Duminku qatta’ l-ewwel snin ta’ ħajtu, fl-għoxrinijiet tas-seklu għoxrin, ġewwa Irish Street, Bormla, roqgħa magħrufa minna l-Bormliżi bħala l-Bastjun. Kien hawnhekk allura fejn ħa l-ewwel tagħlim dwar il-ħajja.

Il-Bastjunajri kienu foqra, anke aktar mill-kumplament tal-Bormliżi. Il-mezzi tal-għajxien għalihom kienu neqsin għall-aħħar. Ħafna drabi t-tfal kienu jinżlu jgħumu x-Xatt ta’ Bormla, mhux biss biex jieħdu pjaċir iżda wkoll biex jinħaslu, għax ġol-Bastjun vit tal-ilma kien hem wieħed biss u ried jinqeda bih kulħadd biex jixrob, isajjar, u jaħsel il-ħwejjeġ. Il-ġuħ kien jinħass ukoll, għalkemm meta tidħol il-flotta Ingliża l-provvista tal-gaxin kienet tiżdied.7 Mhux ta’ b’xejn li din irroqgħa ta’ Bormla ma kienet imfittxa minn ħadd, inkluż politiċi u kleru. B’riżultat t’hekk il-komunità tal-Bastjun kienet ukoll awtonoma, aktarx indipendenti mill-istituzzjonijiet, u bil-kultura tagħha li tgħaqqad lil kulħadd fi fratellanza ta’ għajnuna reċiproka. Fl-istess waqt kien hemm ukoll ġerarkija ta’ min jiddeċiedi u dwar xiex meta jkun hemm nuqqas ta’ qbil. Mal-Bormliżi, il-Bastjunajri kienu wkoll magħrufa li jaqbżu ħafna għal xulxin u li aħjar ma jkollokx xi tgħid magħhom għax ikunu pronti jeħduha miegħek. Għadni niftakar lil ommi tuża l-kliem “Dak Bastjunajr!” biex tiddeskrivi bniedem ġellied, bniedem li ma jċedihiex. Bla dubju s-soċjaliżmu militanti ta’ Mintoff, bit-tendenza tiegħu li jinjora jew jopponi l-istituzzjonijiet u l-formalitajiet tagħhom, għandu għerq Bastjunajr.

Lill-ħbieb u lil ta’ madwaru, għalkemm kien goff magħhom u anke kultant goff ħafna, huwa kien itihom il-fiduċja u kellu lejhom l-akbar lealtà. Tant li mhux biss kien jidħol għalihom fil-mument tal-ħtieġa imma anke kien jasal li jikser ir-regoli u n-normi biex jgħinhom. B’hekk ħoloq spirtu ta’ fratellanza fiċ-ċirku tiegħu ta’ ġewwa.

Mid-disgœinijiet ’il quddiem, Ġorġ Schembri, Joe Paris, Anton Baldacchino, u jien ħadna wkoll ħsieb is-sigurtà tiegħu waqt l-attivitajiet pubbliċi. Mhux għax xi darba għajtilna u talabna nagħmlu dan. Dħalna għaliha bl-aktar mod naturali, ta’ ħbieb u ta’ dixxipli mexjin wara twemmin u wara dak li qed iwettaq it-twemmin.

Kuntrarjament, lill-għedewwa, dawk “ta’ barra l-Bastjun”, jattakkahom bil-qilla. Dr Edgar Mizzi jiddeskrivi din il-qilla ta’ Mintoff  b’dan il-mod:“The means and methods he resorted to, however, were often questionable and almost invariably unorthodox. He was, generally speaking, rough, sometimes harsh and even unscrupulous.” 8

Darba konna mexjin bil-kelb, huwa u jien, ġo Dellimara. Kien jgħidli biex inħoll iċ-ċinga ħalli l-kelb ikun jista’ jiġri bla xkiel. Hekk għamilt ukoll dakinhar. F’daqqa waħda, ma nafx kif, żewġt iklieb oħra, ta’ Ninu Desira, ‘iċ-Ċenteżmu’, ħarġu jiġru minn lokhom u ħabtu għall-kelb tal-Perit, huma jigdmuh u huwa jigdem lilhom. Jien u ċ-‘Ċenteżmu’, b’sogru ta’ xi gidma, irnexxielna minn hemm u minn hawn naqilgħuhom. Wara li tlaqna u komplejna mexjin irrimarkajt lill-Perit li l-kelb kellu żewġ gidmiet mhux ħażin ma’ għonqu u kien ħiereġ id-demm. “Ma jimpurtax,” ħatafni. “L-aqwa li ġġieled u ma beżax avolja kienu tnejn fuqu. La sab is-saħħa jiġġieled waħdu jsib is-saħħa biex ifiq waħdu.” Il-Bastjunajr f’Mintoff jidher anke fi ħwejjeġ żgħar.

Il-Perit Mintoff miet ta’ 96 sena fl-20 ta’ Awwissu 2012. Is-“Sunday Times” tat-30 ta’ Settembru 2012 irrapportat illi l-Imħallef Philip Sciberras u jien konna ġejna nominati  minnu bħala eżekuturi tat-testment tiegħu. Filwaqt li dan kien minnu, fit-18 ta’ Settembru 2012, allura qabel dan ir-rapport, jien kont irrinunzjajt formalment minn din il-ħatra.9 Allura kkuntattjajt lill-ġurnal u ċċarajtlu l-fatti. B’riżultat ta’ hekk, fil-5 ta’ Ottubru 2012 “The Times” xandret rapport ieħor bil-kummenti tiegħi. Jien spjegajt li din il-ħatra kienet ta’ unur kbir għalija; li iżda ma ħassejtnix li hija kompetenza tiegħi; u li kont naf fiċ-ċert li Mintoff kellu fiduċja sħiħa wkoll fl-Imħallef Sciberras u allura l-assenza tiegħi ma kienet se toħloq l-ebda nuqqas.10


1.  “l-Orizzont” tal-għada 3 ta’ Mejju 1971, irrappurtat kliem Mintoff b’mod ftit inqas
ċar, forsi għal raæuni ta’ legalità. Iżda Mintoff kien ċar għall-aħħar fit-theddida
tiegħu.
2. “l-Orizzont”, 16 ta’ Marzu 1973 u “In-Nazzjon Tagħna”, 16 ta’ Marzu 1973.
3. Waqt id-diskors Mintoff qal li l-ħaddiema tat-tarzna għandhom “boċċi” daqs dawk
Ġermaniżi u dawk Franċiżi u allura jistenna riżultat daqshom. Il-propagandisti tal-Partit
Nazzjonalista gidbu billi mexxewha li hu qal “bla boċċi”. Bil-Malti tat-triq ngħidu “bla bajd” li tfisser “mhux kapaċi”.
4. F’dawn il-laqgħat sirna nafu wkoll li l-Fundamentalisti Iżlamiċi Alġerin kienu talbu
lil Ben Bella biex imexxihom iżda hu ma kienx aċċetta. Ben Bella kien kritiku ħafna
wkoll għall-mod kif Ben Ali kien qed imexxi t-Tuneżija.
5. George Orwell (isem proprju Eric Arthur Blair) kien soċjalista demokratiku, ġurnalista
investigattiv u kittieb ta’ diversi xogħlijiet famużi, fosthom “Animal Farm”. Huwa
ġġieled bħala voluntier fuq in-naħa tar-Repubblikani fil-gwerra ċivili Spanjola fejn ġie
ferut serjament b’tir fi griżmejh.

6. L-“In-Tagħna” tas-7 ta’ Mejju 1983 taħt it-titlu “Mintoff irid jirranġa iżda sħabu
jistu jfixkluh” irrapporta bi prominenza fl-ewwel paġna hekk: “Fenech Adami qal li
jidhirlu li l-lum Mintoff verament irid jagħmel ħiltu hu wkoll biex Malta terġa’ lura
għad-demokrazija sħiħa, iżda faċli li jsib diffikultà fil-partit tiegħu stess.

7. Fil-Kottonera kien hemm industrija sħiħa ta’ barklori li jniżżlu l-ikel li jkun fadal
minn fuq il-vapuri tan-Navy. Dan kien magħruf bħala “gaxin”, kien jinbiegħ is-Suq
ta’ Bormla, u l-bejjiegħa kienu magħrufa bħala “tal-gaxin”.

8. Dr Edgar Mizzi: “Malta in the Making” paġni 5 u 6
9. Rinunzja datata 18 ta’ Settembru 2012.
10.  “The Times” tal-5 ta’ Ottubru 2012