Id-diżkreditu ġurnalistiku – minn Fr. Mark Montebello

Dan l-artiklu deher fit-Torċa tal-Ħadd 4 ta’ Frar, 2018

Sa mill-kampanja elettorali Amerikana bejn Hillary Clinton u Donald Trump fis-sajf ta’ sentejn ilu, 2016, beda jidher dejjem aktar ċar f’liema stat tal-biki kien il-ġurnaliżmu tal-pajjiżi żviluppati, fosthom tal-Amerika u l-Ewropa. Trump kellu jikkumbatti speċi ta’ alleanza ġurnalistika kontrih, u għadu jikkumbattiha sal-lum. Għalkemm dan ma kien xejn ġdid, madanakollu wera kemm kienet serja s-sitwazzjoni.

Il-jedd tal-fatti

Is-sitwazzjoni kienet u għadha serja għax ma tistax aktar tafda l-mezzi ġurnalistiċi f’bosta oqsma. Tabilħaqq, kull min kellu għajnejh f’wiċċu u moħħu attent kien jaf li bosta aġenziji ġurnalistiċi kienu, u għadhom, mixtrija. Imma wieħed seta’ jistagħġeb kemm, fil-fatt, kienu mibjugħin b’ruħhom u ġisimhom biex jgħawġu l-aħbarijiet kif iridu huma.

Dan ma ġarax, u ma jiġrix, biss f’rabta ta’ Trump. Jiġri wkoll b’mod sistematiku ma’ mexxejja oħrajn, bħal Vladimir Putin tar-Russja, ma’ Kim Jong-un tal-Korea ta’ Fuq, ma’ Jeremy Corbyn tal-Ingilerra u ma’ bosta oħrajn. L-aġenziji ewlenin tal-aħbarijiet, bħal bi ftehima waħda, jgħawwġu l-aħbarijiet, jinjoraw oħrajn u jonfħu dak li jidhrilhom għall-motivi politiċi tagħhom.

Illum wasalna fi stat li ma tista’ tafda lil ebda aġenzija ġurnalistika ewlenija tal-Punent jekk trid tassew titgħarraf fuq dawn il-mexxejja li semmejt u oħrajn magħhom. Dawn l-aġenziji sfaċċatament jinjoraw il-jedd tagħna li ningħataw il-fatti mingħajr tidwir, u jagħżlu li jbellgħulna l-preġudizzji u l-ġudizzji mxeqilba tagħhom.

Aħbarijiet żbilanċjati

F’Malta esperti ta’ dan. Imma f’Malta aħna żgħar u provinċjali u dawn l-affarijiet tistennihom. Mill-kbar, mill-aġenziji barranin li jippretenduha ta’ serji, ma tistennihiex daqshekk. Imma llum dil-ħaġa, din id-drawwa li dawn l-aġenziji jimmanipulaw b’mod ikrah l-aħbarijiet u saħansitra l-fatti, saret xi ħaġa ‘normali’, mingħajr mistħija u mingħajr ħabi. Saru l-paladuni tal-‘fake news’, l-aħbarijiet imgħawġa.

L-isfaċċaġni ta’ dawn l-aġenziji dehret dan l-aħħar f’rabta mal-aħbarijiet lokali mill-qtil lamentabbli li kellna f’Ottubru li għadda. Għal xi raġuni jew raġunijiet li għadhom mhumiex magħrufa għal kollox, il-biċċa l-kbira tal-aġenziji ewlenin barranin għażlu li jibdew idoqqu diska li ftit tistħarreġ tabilħaqq is-sewwa tal-fatti.

Aġenziji kbar dinjija, bħall-Associated Press, il-United Press International, il-BBC, Reuters u l-Agence France Presse—li jikkontrollaw ħafna u ħafna friegħi tal-medja, inkluż gazzetti, siti tal-Internet, radijiet u televiżjonijiet—mhux biss jidher li m’għamlu ebda sforz biex ixandru aħbarijiet bilanċjati, iżda, bil-kontra, donnhom għamlu deċiżjoni konxja biex ixandruhom żbilanċjati.

Qagħda miskina

Il-biċċa l-kbira tat-tagħrif tagħna fuq id-dinja u x’inhu jiġri fiha jiddependi fuq l-aġenziji ewlenin tal-aħbarijiet. Mhux tagħna biss, imma wkoll ta’ barranin fuqna. Ħafna drabi ma nistgħux nagħmlu mod ieħor għajr li noqogħdu fuqhom … jew ninjorawhom għal kollox u nibqgħu niexfa mill-aħbarijiet.

Din id-dipendenza tqegħidna f’sitwazzjoni, mhux biss antipatika, iżda wkoll miskina. Li noqogħdu fuq dak li jfettlilhom jgħidu jew ma jgħidux dawn l-aġenziji, li aktar minn darba—anzi, sistematikament—juru li huma mixtrija, hija sfortuna kbira li donnu rridu ngħixu biha.

It-tagħrif huwa saħħa, u tagħrif immanipulat minn dawn l-aġenziji ġurnalistiċi huwa dgħajjef jew nieqes, hija s-saħħa intellettwali tagħna li tbati … kif fil-fatt qiegħda tagħmel. Dawn l-aġenziji, kif għedt, sirna ma nistgħux nafdawhom. Imma x’jista’ wieħed jagħmel biex jgħaddi mingħajrhom.

Għajb u periklu

B’xorti tajba, illum hawn l-Internet li, xi ftit jew wisq, għadu aċċessibbli għal ħafna u ħafna ilħna li mhumiex ikkontrollati jew immanipulati minn dawn l-aġenziji ewlenin tal-‘fake news’. Wieħed irid jagħmel sforz speċjali biex jiltaqa’ ma’ dawn l-ilħna. Iżda għall-anqas jista’ jsibhom b’xi mod u jingħata aħbarijiet alternattivi.

Din mhijiex kwestjoni li tkun taf il-verità. Għax il-verità kulħadd jgħidha kif jidhirlu hu. Hija kwestjoni li jkollok aħbarijiet xi ftit jew wisq bilanċjali, li jagħtu l-verżjonijiet opposti jew alternattivi, u li ma jkunux iridu bilfors ibellgħulek l-affarijiet mingħajr ma jħallulek spazju jew possibbiltà li tistħarriġhom għall-affari tiegħek.

La aħna ma nistgħu nafdaw l-aħbarijiet li jaslulna minn aġenziji mixtrija bħal dawn, u lanqas m’għandhom il-barranin jafdaw l-aħbarijiet li jaslulhom fuqna mingħandhom. Id-diżkreditu li dawn l-aġenziji waqgħu fih huwa għajb għalihom. Iżda hu wkoll ta’ periklu kbir għad-dritt tal-informazzjoni u għad-demokraziji li drajna ngħixu bihom.