Din hija t-tieni parti tal-intervista ma’ Sammy Meilaq mill-gurnalist Victor Vella li dehret fil-harga tat-Torca il-bierah 19 ta’ Novembru, 2023.
….din qed twassal apatija fost il-ċittadini fil-votazzjonijiet
Minn Victor Vella
Hu fatt li llum ħadd ma jikkontesta li l-elezzjonijiet Ewropej qegħdin dejjem inaqqsu f’dik li hi parteċipazzjoni mill-votanti. Kien hemm tentattivi fl-aħħar snin intiżi biex il-persentaġġ ta’ parteċipazzjoni fil-votazzjoni jogħla. Kienet ferħa bla temma dak li seħħ proprju fis-sena 2014 meta deher mill-ewwel exit polls li l-parteċipazzjoni kienet żdiedet bi ftit. Kien hemm anke politiku, Guy Verhofstadt li kien ħareġ jgħid mill-ewwel li ż-żieda fil-parteċipazzjoni turi fiduċja u appoġġ għal dak li hu sejjaħ ‘il-proġett Ewropej’. Imma ftit wara, l-istatistika tal-parteċipazzjoni ġiet emendata u mill-istatistika uffiċjali ħareġ li l-votazzjoni kompliet nieżla għalkemm bi ftit ħafna. Fil-fatt f’temp ta 35 sena, il-parteċipazzjoni fil-votazzjoni Ewropea naqas minn 61.8 fil-mija fis-sena 1979 għal 42.6 fil-mija fis-sena 2014. L-akbar tnaqqis seħħ beja is-sena 1994 u s-sena 1999 fejn il-parteċipazzjoni fil-votazzjoni naqset minn 56.6 fil-mija għal 49.5 fil-mija.
IT-TORĊA f’intervista ma’ l-eks trejdunjonista Sammy Meilaq, tkellmet dwar kif illum fid-dinja hawn nuqqas kbir ta’ mexxejja ta’ stoffa. Semmejnielu kif kien hemm żmien meta d-dinja b’mod partikolari fl-Ewropa kien hemm mexxejja li taqbel jew ma taqbilx magħhom, kont tagħraf li huma mexxejja li kapaċi jiddeċiedu u juru t-triq ‘lquddiem. Illum hemm nuqqas kbir f’dan.
Jiddikjara li “hemm żewġ fatturi li qed jikkontribwixxu għaliha. L-ewwel hemm iċ-ċentralizazzjoni tal-poter fi Brussell. Brussell ġibed fuqu ħafna poteri li naqqsu l-awtorità tal-pajjiżi rispettivi. Din wasslet għal sitwazzjoni fejn iċ-ċittadini meta jivvutaw għall-elezzjoni ġenerali ta´pajjiżhom qed jaraw li naqset is-saħħa tal-gvern li se jtellgħu. Hemm l-apatija fil-votazzjonijiet. Ix-xejra fil-votazzjonijiet hi nieżla. Jekk nieħdu l-Italja naraw li Meloni li ffurmat il-gvern ġabet biss 18 fil-mija tat-total ta’ dawk eleġibbli. Fi Franza Macron ma gabx aktar minn 33 fil-mija. Din qed tiġri għax hemm iċ-ċentralizazzjoni tal-poter u din qed iddgħajjef is-sistema Parlamentari kullimkien. Illum għandna is-sitwazzjoni fejn mexxejja telgħu b’persentaġġi baxxi ta’ voti u għalhekk ma jkollhomx is-saħħa bħal dawk li jkunu telgħu b’massa kbira.”
Jisħaq li t-tieni fattur li qed iddgħajjef id-demokrazija hi d-dominanza tal-Corporate Lobby fuq il-Parlament. Il-mudell ekonomiku ‘de regulated’ tant jagħti saħħa lil “corporate lobby’ li wassal biex il-poter politiku m’għadux daqshekk b’saħħtu u l-privat għandu saħħa jikkontrolla l-ekonomija ħafna aktar minn qabel. Il-popli meta jagħżlu mexxej mhux qed ikollu fjuwil biżżejjed biex jiġġieled. Legalment m’għandux saħħa daqs kemm kellu qabel, għax il-privat ħadlu din is-saħħa.”
‘Il-ħaddiema barranin….m’għandhomx
jintużaw għaċ-cheap labour’”
Dwar l-immigranti, Sammy Meilaq jgħidilna li “qegħdin nitkellmu fuq żewġ kategoriji. Hemm ħaddiema li l-pajjiż għandu bżonn u hemm dawk li jiġu refuġjati bil-baħar. Ngħid li fejn jirrigwarda dawk li huma ħaddiema proprja, il-gvern għandu jħalli li jiġu skont kemm verament hemm bżonn. Il-gvern imma qed jonqos għax mhux qed jobbliga bil-quddiem lill-employers, qabel jaċċetta li jatihom il-liċenzja biex iġibu ħaddiema, jorbothom li dawn ikunu impjegati b´kundizzjonjiet ta’ xogħol tajbin u mhux biċ-cheap labour. Il-gvern għandu is-saħħa kollha li jagħmilha u għandu r-responsabilità. Il-Gvern għandu jdaħħal lill-unions f’din il-kwestjoni, biex dawn jipproteġu lill-ħaddiema kollha.”
Ikompli jgħid li “imbagħad hemm dawk li jiġu bil-baħar. L-agħar ħaġa li qed jiġri hi li l-Ewropa u Malta jitkellmu biss dwar kif dawn ser jitqassmu. Qatt ma ssir diskussjoni dwar il-kaġun ta’dawn it-tragedji. Qatt ma jitkellmu fuq soluzzjonijiet dwar kif se tispiċċa din il-biċċa u li ma jkunx hawn refuġjati aktar. M’hemm ebda dubju li l-kaġun ewlieni huma l-gwerer. Hemm rapporti ċari tan-Nazzjonijiet Uniti dwar dan. 90 fil-mija ta’ dawn ir-refuġjati qegħdin jaħarbu mill-gwerrer. L-ewwel ħaġa li għandha ssir hi naghrfu li l-ewwel dritt li dawn għandhom hu li jgħixu f’pajiżhom b’mod diċenti u mhux jaħarbu minħabba l-gwerrer.”
“Nemmen fil-multikulturaliżmu”
Nistaqsuh dwar ir-razziżmu u li fl-aħħar snin rajnieh dejjem jerfa’ rasu. Jgħidilna li “l-analiżi tiegħi hi li r-razziżmu jinħoloq minn biża’ reali – biza’ ta’ zewg tipi – materjali u kulturali.
Dak materjali generlament hu biza’ li l-barranin ser jiehdu xoghol in-nies tal-lokal u jwaqqghu l-kundizzjonijiet tax-xoghol. Is-soluzzjoni ghal dan hi li l-haddiema – lokali u barranin – jinghaqdu biex flimkien ifittxu l-interessi komuni taghhom. Nghidu ahna, interessi komuni huma li joghlew il-pagi, li l-kera tkun ikkontrollata, li l-gholi tal-hajja jigi mrazzan u li d-drittijiet industrijali jitjiebu.
L-ghedewwa tal-haddiema Maltin mhumiex il-haddiema barranin, imma dawk l-employers li jhaddmu bic-cheap labour u x-xoghol prekarju, kif ukoll dawk il-politici li jillegislaw favur ix-xoghol prekarju.
Hemm zewg grajjiet storici li juru l-htiega ta’ din l-ghaqda bejn il-haddiema, u li jekk din ma ssehhx, il-haddiema kollha – kemm tal-lokal u kemm barranin – jitilfu.
Il-haddiema Amerikani – suwed u bojod – inghaqdu ma huthom haddiema emigranti Irlandizi, Taljani, Polakki, Lhud, u Germanizi biex iggieldu u rebhu d-dritt ghal gurnata ta’ tmien sieghat xoghol. Din il-grajja glorjuza sehhet fl-1886 fl-Amerika, u sa’llum ghadna niccellebrawha bhala Jum il-Haddiem fl-ewwel ta’ Mejju.
Kuntrarju ghal dan, il-haddiema nqasmu fl-avvenimenti tal-1919. L-irvelljiet tas-Sette Giugno ma sehhewhx Malta biss, imma anke fl-ibliet il-kbar tar-Renju Unit u tal-Amerika, mifruxin fuq numru ta’ xhur.
Minn April tal-1919 kien hemm irvelljiet fl-Ingilterra u l-Amerika. Ir-raġuni kienet komuni. Kien hemm demobilizazzjoni wara l-gwerra għax is-suldati kienu ġew bla xogħoll. Kien hemm barranin fl-Ingilterra u fl-Amerika u meta l-Ingliżi raw li qed jeħdulhom xogħolhom irvelljaw kontra tagħhom. Kien hemm irvelljiet razzisti kbar. F’Malta l-irvelljijiet kellhom l-istess kaġun, imma hawn ma ħadux żvolta razzista imma żvolta anti imperjalista.
It-tieni biza´ li johloq ir-razzizmu hi biza´kulturali – biza li d-drawwiet, il-mod tal-ghixien u r-relazzjonijiet socjali tan-nies tal-post jistghu jigu mxekkla jekk mhux ukoll imwarrba.
Dwar dan jien nghid li m’ghandhux ikun hemm integrazzjoni imponuta minn fuq mill-istat, imma li l-istat iheggeg il-multikulturalizmu u d-djalogu, li jfisser ambjent socjali fejn kulturi differenti jiffjorixxu flimkien u b’armonija bejniethom.
‘Iridu jinbidlu ċertu liġijiet
li qed ixekklu l-unions’
Quddiem diskussjoni dwar proposta biex kull ħaddiem jissieħeb f’union, Sammy Meilaq jgħidilna li “qabel isir dan, iridu jsiru tlett affarijiet. Jekk ma jsirux, fl-opinjoni tiegħi, xorta wahda ma jsirx progress.
Iridu jinbidlu ċertu liġijiet li qed jirrestrinġu l-operat tal-unions, inkluz ir-restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ strike. Illum dan id-dritt qed jigi mdghajjef billi legalment jigi ristrett skont kemm ikun effettiv, bl-iskuza li ser tinholoq skumdita´ghall-poplu. Ligijiet ohra li jridu jiddahhlu iridu jirrestringu x-xoghol prekarju.
Il-unions iridu wkoll ikunu marbutin legalment li jibqgħu demokratiċi u li l-Konferenza Generali tkun l-awtorita´suprema. Hemm moviment – specjlament fl-Amerika – li jissejjaħ ‘corporate trade unionism’, fejn unions isiru qishom biss holqa bejn il-haddiema u l-employers. Il-corporate trade unions kellhom ċertu suċċessi, izda nemmen li l-general unions huma l-aħjar għax jghaqqdu il-ħaddiema kollha u b’hekk dawn ikollhom ħafna aktar saħħa.
Pass legali iehor huwa li l-closed shop jerga jsir legali. Kien hemm zmien fejn dan kien legali kullimkien fid-demokraziji parlamentari Ewropej u tal-Amerika. Illum m’ghadhux. Il-closed shop hu ta’ beneficcju mhux biss ghall-haddiema u l-unions, imma anke ghall-kumpaniji li jimpjegaw.
Jekk mhux ser isiru dawn ir-riformu inutli jsir ‘compulsory unionism’.”
“Għaliex għandu jkun gvern tal-lemin
li jikkontrolla l-prezzjiet?”
Insemmulu kif fl-aħħar snin bdejna naraw ukoll il-faxxiżmu iżid fil-popolarità. Bla tlaqlieq Meilaq jgħidilna li “r-risposta għaliha tohrog fil-manifest ta’ Mussolini u fl-ewwel diskors ta’ Hitler meta gie elett fil-Parlament Germaniz. Jekk tara l-ewwel manifest faxxista ta’ Mussolini għalkemm kisser l-unions, dan kien daħħal il-ġimgħa ta’ ħamest ijeim, erbgħin siegħa xogħol fil-ġimgħa. Daħħal in-negozjar kollettiv u li sid ta’ post tax-xogħol ma jistax ikeċċi ħaddiem bla permess tal-gvern. Dawn mhux prinċipji tal-lemin imma huma tax-xellug. U għalhekk lil Mussolini kien hemm ħaddiema bdew jgħidulu ‘mandato da dio.’ Il-faxxiżmu hu kontra id-‘de regulation’ bħas-soċjaliżmu, imma ma jaqblux kemm fis-soluzzjonijiet u kemm fil-kagun ahhari tal-problemi.
Jekk nieħdu lil Hitler, fl-ewwel diskors tieghu ma tkellimx fuq li ser jattakka r-Russja jew li ser joqtol lill-Lhud. Qal biss li ta’ qabilna ħallewkom bla xogħol, bla djar, mingħajr ikel, u bla dinjità u aħna se nġibu stabbilità ekonomika. Tridu ittuna erba’ snin ċans.
Dawn iz-zewg movimenti kotrana ma bdewx bil-militariżmu jew l-anti semitiżmu imma bdew billi qalu li ser ikabbru l-ħobża. U wara li kabbru l-ħobża, imbagħad marru għall-agħar… għall-anti semitiżmu u spiċċaw tkissru huma.
Ejja naraw x’qed jiġri llum. Għaliex għandu jkun gvern tal-lemin li jikkontrolla l-prezzjiet? Għaliex ma jagħmluhiex tax-xellug? Għaliex għandu jkun gvern tal-lemin fl-Ungerija li qed jaħdem għall-paċi? Issa dan Orban hu faxxist fejn tidħol kultura u immigranti, faxxist fejn tidħol is-solidarjetà, imma għandu biċċa li hi progressiva.
Il-ġlieda kontra ‘d-de regulation’ kultant qegħdin jagħmluha l-Partiti tal-Lemin flok tax-xellug. Ix-xellug qed jitlef is-saħħa u l-lemin qed jirbaħha. Żball li l-partiti tax-xellug qegħdin jinjorawha.”
Ikompli fil-ħarġa li jmiss.