Dan l-artiklu deher u kien ippublikat fil-ġurnal “it-torċa” fl-10 TA’ ĠUNJU 2017.
Flimkien irridu naraw kif se niddiversifikaw l-ekonomija ħalli niggarantixxu l-futur tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin
Jien ma nemminx li dawk li vvutaw lill-Partit Laburista ġew jaqgħu u jqumu mill-mill-valuri, mill-governanza u mill-korruzzjoni. Imma meta ħadu konsiderazzjoni tal-istampa sħiħa, inkluż il-passat ta’ ħafna li pproġettaw lilhom infushom bħala San Duminku Savio jew Santa Maria Goretti, il-miżien qaleb lejn il-Partit Laburista.
Bl-iżbalji kollha tiegħu, il-Partit Laburist fil-Gvern irnexxielu jpoġġi l-ekonomija fis-sod, naqqas il-qgħad u beda’ jdawwar ir-rota. Issa kulħadd jistenna l-aqwa żmien. Li l-ħames snin li ġejjin ikunu mhux biss tkomplija tal-erbgħa li għaddew, imma aħjar. Ferm aħjar.
F’din is-sitwazzjoni naħseb li ħadd f’pajjiżna mhu se joħlom bis-seba’ żbuliet irqaq u maħruqin mir-riħ jieklu s-seba’ żbuliet ħoxnin. Jew li mix-xatt jitilgħu seba’ baqriet koroh u magħlubin u jibilgħu s-seba’ baqriet sbieħ u smien. Donnhom is-seba’ baqriet smien se jibqgħu jaħilbu għal dejjem. J’Alla.
Madankollu, mingħajr ma nixtieq inkun l-uccello del malaugurio, kif l-irjus jibirdu, tajjeb inħarsu naqra lejn l-ekonomija tagħna u naraw x’nistgħu ntejbu, insaħħu u/jew niddiversifikaw. Ma jagħmilx sens li nitkellmu dwar etika, governanza, trasparenza, ġustizzja u ma nafx x’aktar imbagħad fejn tidħol l-ekonomija niġġustifikaw kollox billi nirrazzjonalizzaw li l-ewwel il-pappa imbagħad l-umpappa.
M’iniex waħdi li nħoss li wasal il-waqt li nibdew naħsbu ftit lil hinn minn dak li għandna llum u nibdew nippjanaw għall-ġenerazzjonijiet futuri. Ekonomista ma nippretendix li jien imma ma naħsibx li nkun sejjer żball jekk ngħid li l-ekonomija tagħna tiddependi ż-żejjed fuq is-servizzi finanzjarji, l-iGaming, il-kostruzzjoni u t-turiżmu.
REDIKOLA LI NFETTQU FUQ TAX EVASION
Mhux se nidħol fil-morali, għax jekk m’iniex ekonomista lanqas jien moralista. Imma tlieta mill-erba’ pilastri li semmejt tista’ tikteb volumi sħaħ dwarhom b’argumenti favur u kontra. Mingħajr ma ntawwal, per eżempju, naraha redikola li noqogħdu nfettqu dwar tax evasion u tax avoidance. Min għandu widnejn ħa jisma’.
U għalkemm Malta żgur mhix il-Panama, u s-sistema tagħna hija differenti minn ta’ dawk hekk imsejħa tax havens, barra li għandna l-barka tal-Unjoni Ewropea, inħoss li mhux sew li biljunarju jħallas it-taxxa bil-5 fil-mija filwaqt li ħaddiem li jaqlagħha ftit mhux ħażin iħallas bil-25 fil-mija.
Mhux biss, kif qed naraw, minn żmien għal żmien qed ikun hemm attakki fuq dan is-settur u minkejja li s’issa b’xi mod jew ieħor irnexxielna nġibuha żewġ, nistgħu nqumu għada u nsibu li kulma ħdimna sar suf. Allaħares imma ilu jberraq.
L-istess nistgħu ngħidu fuq il-iGaming. Filwaqt li nitkellmu fuq id-droga qisna qaddisin nimxu fl-art, ma nirrealizzawx jew ma rridux nisimgħu, li d-droga tieħu forom differenti. Hawn droga f’forma ta’ sustanza, bħall-ħaxixa, il-kokaina, eċċ, u hawn droga f’forma ta’ proċess, bħal-logħob tal-azzard u l-pornografija.
Meta tkellem nies li jaħdmu ma’ dawk li għandhom problemi bil-logħob tal-azzard, tinduna kemm hu mifrux dal-vizzju. U jista’ jaħkem lil kulħadd. La hemm sess, la kulur, la età u lanqas klassi. Sfortuntament, bħal drogi oħra, dan il-vizzju spiss iġib miegħu serq, frodi, usura u tkissir tal-persuna u tal-familja.
LI HU ĊERT HUWA LI HEMM LIMITU KEMM NISTGĦU NDUMU NIBNU U NIBNU
Imbagħad hemm l-industrija tal-kostruzzjoni. Industrija li fl-aħħar ħamsin, sittin sena, tajjeb jew ħażin, dawret ir-rota ekonomika f’dal-pajjiż. Mhux se nidħol fil-mertu jekk hux dnub mejjet li d-dritt li kulħadd ikollu saqaf fuq rasu spiċċa kkummerċjalizzat.
Li hu ċert iżda huwa li hemm limitu kemm nistgħu nibqgħu nibnu. L-idea llum forsi hija li ngħollu imma anke jekk ma niħdux art ODZ, xorta hemm problemi kemm nistgħu ngħollu l-aktar fejn it-toroq u l-ispazji tal-madwar ma jagħtux nifs lill-abitanti.
Kelma malajr fuq l-industrija tat-turiżmu. Jien dejjem tgħallimt li diffiċli sserrah fuq din l-industrija għax hija volatili ħafna. Filli hawn u filli hemm. Anke jekk għal dawn l-aħħar snin imxiet dejjem ‘il quddiem, forsi grazzi wkoll għall-isfortuni ta’ pajjiżi oħra ġirien tagħna.
Nittama li ma pinġejtx stampa sewda żżejjed. Anzi, jalla jien żbaljat. U jekk hawn xi ħadd jista’ jilluminani, napprezza. Jew jikteb ittra lill-editur jew inkella jibgħatli email fuq l-indirizz ta’ hawn fuq. Lest li nammetti l-iżbalji u nitlob skuża.
IRRIDU NKUNU GĦAQLIN U NIBDEW NAĦSBU F’DIVESIFIKAZZJONI
Imma, il-punt li nixtieq nasal għalih huwa li rridu nkunu għaqlin u nieħdu l-parir ta’ Ġużeppi li kien mibjugħ minn ħutu. Waqt li hemm il-baqar sbieħ u smien irridu nibdew naħsbu biex inkabbru erba’ għoġġiela oħra ħalli għada jkunu lesti jeħdulhom posthom.
Fuq hekk tiddependi l-ħobża ta’ kuljum mhux biss ta’ uliedna imma anke ta’ ulied uliedna. Ħobża li jkunu moħħhom mistrieħ li se jikluha mingħajr taqtigħ il-qalb, la għalihom u lanqas għall-ġirien tagħna fuq in-naħat kollha tal-baħar Mediterran.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-gvern għandu jkompli jaħdem biex joħloq setturi ġodda ħalli l-ekonomija kemm jista’ jkun tkun diversifikati. Tajjeb ngħid li diġa’ fis-snin li mgħoddija rajna attentati biex ikollna turiżmu mediku u biex fost oħrajn ninfdu ċerti setturi bħall-avjazzjoni, il-loġistika u oqsma edukattivi. Inizjattivi tajba.
KUMMISSJONI GĦOLJA LI TFASSAL PJAN STRATEĠIKU B’VIŻJONI
Iżda kif jgħid tajjeb il-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista rridu nkomplu niddiversifikaw u nsaħħu l-ekonomija, li fuqha jiddependi għada. Il-Manifest jgħid li dan għandu jsir billi nattiraw niċeċ u setturi ġodda li jrendu tkabbir ekonomiku u ħolqien ta’ mpjiegi. Għal dan il-għan għandha titwaqqaf kummisjoni għolja biex tfassal pjan strateġiku b’viżjoni dwar kif se inkunu aktar kompetittivi u attraenti fl-immedjat u għall-għaxar snin li ġejjin.
Proposta ftit jew wisq simili tinsab fil-manifest Elettorali tal-Partit Nazzjonalista li jgħid li jitwaqqaf Kunsill Ekonomiku bħala bord konsulatattiv li jagħti pariri lill-Prim Ministru dwar is-sostenibbilita’ fit-tul tal-ekonomija, dwar l-opportunitajiet u r-riskji marbuta ma’ ċerti policies u ċerti setturi.
Wara ċ-ċelebrazzjonijiet, issa lkoll flimkien, laburisti u nazzjonalisti, demokratiċi u alternattivisti, irridu nxammru l-kmiem ħalli nkomplu nassiguraw il-ħobża ta’ kuljum għalina u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.