Minn SAMMY MEILAQ
PRESIDENT TAL-FRONT MALTIN INQUMU
Fit-8 ta’ Ottubru li għadda inżamm workshop pubbliku ġewwa l-Osbourne Hotel il-Belt dwar is-sitwazzjoni imwera fil-Mediterran u dwar il-formola għall-paċi li kien insista għaliha il-Prim Ministru Malti Dom Mintoff fil-Konferenza ta’ Helsinki, il-belt kapitali tal-Finlandja, fl-1975. Dan il-workshop kien organizzat mill-Assoċjazzjoni għall-Paċi u Sigurtà fl-inħawi tal-Mediterran (APSIM). Din l-assoċjazzjoni hija immexxija minn Mark Montebello u l-mira tagħha li taħdem għall-paċi toħroġ ċar ukoll mill-isem tagħha.
Tajjeb l-ewwel nett infakkru li Mintoff, waqt din il-konferenza, kien insista li “ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm paċi fil-Mediterran”. Huwa kien insista wkoll li biex il-paċi fil-Mediterran tinkiseb jeħtieġ li jsiru tlett ħwejjeġ: l-Ewropa għandha tidħol fi djalogu mall-popli tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta’ Fuq dwar il-kisba tal-paċi, mhux taqbad u timponi fuqhom; l-Ewropa għandha tinvesti fi proġetti ta’ fejda f’dawn il-pajjiżi u tħajjarhom biex huma jinvestu fl-Ewropa; u mill-Mediterran jittwarrbu l-armamenti u jsir diżarm.Fl-aħħar tal-konferenza ta’ Helsinki kullħadd qabel ma dak li sostna Mintoff u kullħadd iffirma l-ftehim, inkluż il-pajjiżi tal-Ewropa, l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika.
Iżda illum kullħadd jaf illi it-triq maqbula f’Helsinki ma seħħetx u l-paċi mhux biss ma nkisbitx imma is-sitwazzjoni hija agħar milli kienet fl-1975. Issa aħna, li ninsabu eżatt f’nofs il-baħar Mediterran, allura ninsbu fil-periklu kemm militari kif ukoll kummerċjali b’din il-qagħda madwarna. Eżemju ċar huwa is-sitwazzjoni fil-Libja fejn Malta, bla dubju, hija l-aktar pajjiż mill-Ewropa kollha li ntlaqtet ħażin mit-tkissir ta’ dan il-pajjiż. Ir-raġuni ewlenija li l-paċi ma nkisbitx hija li l-politika li mxew biha l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti kienet kontra il-formola ta’ Helsinki.
DIŻARM
Matul dawn l-aħħar 40 sena minn Helsinki l’hawn kemm l-Istati Uniti kif ukoll l-Unjoni Ewropea komplew jifgaw lil Lvant Nofsani bl-armamenti, flok bdew iżarmaw. U fornew bl-armamenti l-aktar lid-dittaturi iżlamo-faxxisti tal-Arabja Sawdija, tal-Baħrejn u tal-Emirati. Fornew ukoll bl-armamenti lill-militanti Iżlamiċi li riedu jtajjru lil Gaddafi u lil Assad. Hawnhekk tispikka l-ipokrizija tal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti li jforni bl-armi lid-dittaturi iżlamo-faxxisti u jattakkaw mexxejja sekulari bħal Gaddafi, Saddam Hussein u Assad. Barra minn hekk l-Unjoni Ewropea kompliet taċċetta aktar bażijiet militari Amerikani mad-dawra tal-Mediterran, fi-Spanja, fl-Italja u fi Franza. Dawn il-bażijiet fihom ukoll il-bombi nuklejari u l-ajruplani li jġorruhom biex jitfawhom fuq pajjiżi oħra.
Il-baħar ta’ madwarna illum huwa wkoll mimli bil-vapuri tal-gwerra tal-pajjiżi mill-Unjoni Ewropea, mill-Istati Uniti, u mir-Russja. U għall-ewwel darba fl-istorja issa daħħlu ukoll bastimenti tal-gwerra Ċiniżi jgħinu lil dawk Russi.
FRUNTIERI U KRIMINALITA TAL-GWERRA
Il-politika tal-UE dwar id-difiża tal-fruntieri tagħha wkoll tmur kontra l-miri ta’ Helsinki. Biex tgħasses il-fruntieri l-UE matul dawn l-aħħar għaxar snin xebgħet tkisser fruntieri ta’ pajjiżi ta’ mad-dawra tal-Mediterran! Kissret il-fruntieri billi flimkien mal-Istati Uniti invadiet l-Iraq, u l-Libja, u attakkat is-Sirja (apparti dawk tal-Afganistan, tas-Somalja, u tal-Mali). U waqt li invadiet wettqet kriminalita tal-gwerra bil-carpet bombing fuq Sirte fil-Libja, bit-tfiegħ tal-bombi kimiċi fuq Fallujah fl-Iraq, u issa billi qiegħda fil-kontroll tal-Command Centre tal-Arabja Sawdija tmexxi l-attakki fuq l-iskejjel, l-isptarijiet u r-residenzi tan-nies tal-Jemen.
Dawn l-atti mhux biss ma ġabux paċi, imma b’konsegwenza ħolqu żewġ problemi kbar għall-UE. Ħolqu mewġa ta’ refuġjati jaħarbu mill-gwerrer, mewġa li mhux se tieqaf qabel jieqaf it-tfiegħ tal-bombi. Ħolqu wkoll l-attakki terroristi iżlamiċi bi tpattija għat-terroriżmu tal-istat imwettaq mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Uniti, li wkoll mhux se jieqfu qabel jieqfu l-invażjonijiet u l-bombi.
L-UE HEKK SE TKOMPLI
Il-Kummissarju tal-UE għall-politika barranija, Federica Mogherini f’Ġunju li għadda qalet li l-UE biħsieba tgħaqqad flimkien il-forzi armati tal-pajjiżi tagħha biex dawn l-invażjonijiet u gwerrer mill-UE ikunu aktar effettivi. Qalet ukoll li permezz tal-attakki militari l-UE issaħħaħ il-politika barranija tagħha. Dan ma jfisser xejn ħlief li l-UE trid timponi deċizjonijiet politiċi bis-saħħa militari fuq pajjiżi oħra. Din l-istqarrija ta’ Mogherini teċċella bħala stqarrija mill-aktar onesta dwar l-akbar diżonesta: id-diżonesta li toqtol biex tagħmel il-qliegħ!
Dawn il-fatti kollha juru biċ-ċar li l-politika barranija tal-UE, mhux biss ma taqdix il-miri ta’ Helsinki, imma tmur direttament kontra tagħhom. F’din il-qagħda l-interessi tal-poplu Malti huma ċari. Għandna nagħżlu Helsinki u nopponu l-politika barranija tal-UE. Inkunu boloh nagħmlu mod ieħor. L-akbar responsabilta hawnhekk taqa’ fuq il-Parlamentari tagħna, il-gvern u l-oppożizzjoni. Mill-Ewropa kollha għandna l-akbar kredenzjali b’Helsinki warajna biex ngħajtu li paċi irridu madwarna mhux gwerrer għall-kisba taż-żejt.
L-ITTRA LIL PRODI
L-istqarrija ta’ Mogherini fakkritni kemm Mintoff kien jara bil-quddiem. Sittax il-sena ilu, eżattament fit-30 ta’ Ottubru, 2003, il-Perit Mintoff u l-avukat Karmenu Mifsud Bonnici, f’isem il-Front Maltin Inqumu kienu kitbu ittra lil Romano Prodi, li dak iż-żmien kien il-President tal-Kummissjoni Ewropea (kif huwa Juncker illum). Kien żmien meta l-UE kienet qiegħda taħseb biex tifforma kostituzzjoni. F’din l-ittra, fost affarijiet oħra, Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici kitbu hekk:
“Il-mument hu opportun biex l-Unjoni Ewropea tipproklama fil-kostituzzjoni tagħha il-mira tagħha li taħdem attivament għall-paċi fost il-ġnus u li twiegħed solennement illi qatt ma tuża l-forza tal-armi biex tinvadi pajjiżi oħra jew li tisfrutta is-superjorita tal-armamenti biex timponi ir-rieda tagħha f’materji ekonomiċi”.
Tlettax il-sena ilu Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici raw bil-quddiem kemm se jinqala’ għawġ bil-politika barranija militarista tal-UE.
MALTA ILLUM
Fraħt nisma’ lill-Prim Ministru Joseph Muscat, meta ftit ilu kellem l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, u sostna l-istess bħal ma kien sostna Mintoff ġewwa Helsinki li “ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm paċi fil-Mediterran”. Issa jonqos li l-Prim Ministru ma jiddejjaq xejn jikkumbatti lill-kbarat tal-UE biex jibdlu it-triq tal-gwerrer għal waħda li taħdem attivament għall-paċi u għad-diżarm. Kif ikkwota lil Mintoff minn Helsinki għandu jikkwotah ukoll mill-ittra lil Prodi. Dawn kolla kredenzjali għall-poplu Malti.
It-triq l-oħra hija it-triq li nbaxxu rasna għal poltika mibnija fuq l-impożizzjoni militari, il-ħolqien tar-refuġjati u tat-terroriżmu, tal-ipokrizija u tad-diżonesta.