Gangster jingħata l-għola unur tar-Republika.

mandelsonKull meta jasal Jum ir-Republika il-gvern jonora lil diversi personaġġi li jkunu spikkaw f’xi qasam u li bil-ħidma tagħhom ikunu għamlu l-ġid lil kumplament tas-soċjeta. Hekk ukoll għamel din is-sena. Iżda għall-ewwel darba minn kemm ilhom jingħataw l-unuri tar-Repubblika, din id-darba l-gvern għoġbu jonora lil baruni Peter Mandelson, gangster magħruf li darbtejn ġie mġiegħel jirriżenja minn ministru minħabba nuqqasijiet serji finanzjarji.

Mandelson kien ministru tal-kummerċ u l-industrija fil-kabinett tal-gvern laburista Ingliż immexxi minn Tony Blair. F’Diċembru tal-1998 huwa ġie mġiegħel jirriżenja wara li nkixef li kien xtara dar billi issellef 373,000 lira sterlina mingħajr imgħax minn għand Geoffrey Robinson,ministru ieħor kollega tiegħu. Dan il-ministru kien ukoll miljunarju u negozjant u kien qiegħed jiġi investigat mill-istess Mandelson dwar in-negozju tiegħu eżattament meta Mandelson issellef it-£373,000 minn għandu mingħajr imgħax. Barra minn hekk inqabad ukoll li ma kienx iddikjara dan is-self fir-Registry of Members Interests tal-House of Commons kif kien obbligat li jagħmel skond ir-regolamenti. Ħadd m’ emmen li Mandelson li kien innoċenti.

Għalkemm kien imċappas, sena wara Mandelson irnexxielu jerġa jsib ruħu ministru! Iżda ma tantx dam għax f’Jannar tal-2001 reġa’ ġie mġieghel jirriżenja. Din id-darba huwa inqabad li kien qiegħed jirranġa biex negozjant Indjan, Srich Hinduja, jinħariġlu passaport Ingliż meta dan kien qiegħed jiġi investigat mill-gvern Indjan fuq każ kbir ħafna ta’ korruzzjoni u ta’ tixħim fix-xiri ta’ armamenti għall-gvern Indjan. Anke din id-darba ħadd m’ emmnu lil Mandelson li kien innoċenti.

Dan Mandelson iżda donnu għandu ħafna ħbieb fil-poter. Oħroġ il-għaġeb, tlett snin wara, fl-2004, il-kbarat tal-Unjoni Ewropea ħatruh Kummissarju tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri ministru fuq l-Unjoni Ewropea kollha. U biex tagħqad tawh il-Kummissjoni tal-kummerċ! U donnhom il-kbarat tal-Unjoni Ewropea għażluh għal tal-apposta biex ikompli jiċċappas, għax dan Mandelson ma jafx jindem.

Fit-22 ta’ April 2005 il-ġurnal Ingliż The Times żvela li Mandelson kien qatta’ l-Milied ta’ qabel ma’ Paul Allen, ko-fundatur tal-Microsoft, fuq il-yacht ta’ Allen meta dan kien qiegħed jiġi investigat mill-Unjoni Ewropea. The Times ikkritikatu li l-imġieba tiegħu kienet ħażina. Imbagħad f’Ottubru tal-2008 inqabad ukoll li kien ilu snin midħla ta’ Oleg Deripaska, biljunarju Russu, u kien saħansitra jqatta’ iż-żmien tiegħu ma’ Deripaska fuq il-yacht ta’ Deripaska fil-gżira Griega ta’ Corfu. Waqt din il-ħbiberija intima, Mandelson, fil-kariga tiegħu ta’ Kummissarju tal-Unjoni Ewropea għall-Kummerċ, darbtejn naqqas tariffi li minnhom Deripaska għamel gwadan finanzjarju.

Illum Mandelson huwa chairman ta’ kumpanija jisimha Global Counsel. Din il-kumpanija tgħati pariri lil Asia Pulp and Papar, kumpanija privata li hi magħrufa li qiegħda teqred il-foresti fl-Indonesia illegalment biex tagħmel il-qliegħ mill-bejgħ tal-injam.

Wara li fl-2008 Mandelson spiċċa minn Kummissarju tal-Unjoni Ewropea inħatar baruni għal għomru fil-House of Lords tal-Ingilterra. Kien ikun ħafna aktar xieraq kieku ingħata it-titlu ta’ Don flok ta’ Lord. Imma jidher li dan Mandelson għandu ħafna ħbieb, anke hawn Malta.