Franza: L-akbar ribeljoni kontra l-Unjoni Ewropea

Ir-rebħa li għadu kif għamel Macron fl-elezzjoni presidenzjali ta’ Franza qiegħda tiġi mfissra mill-media bħala rebħa favur il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea u favur il-politika li qegħdin mexjin biha. Dan għaliex fit-tieni jum tal-elezzjoni Macron ġab 66% tal-voti u Le Pen ġabet 34%. Iżda l-verita hija il-kontra, għax il-poplu Franċiż f’din l-elezzjoni wera l-akbar ribelljoni sal-lum fi Franza kontra l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea.

Meta wieħed iqis sewwa ir-riżultati fiż-żewġ ġranet ta’ votazzjoni isib li l-poplu Franċiż għamel dawn l-għażliet:

 

(1) Fl-ewwel jum tal-elezzjoni il-Franċiżi warrbu għal kollox mill-poter liż-żewġ partiti l-kbar, is-Soċjalisti u ir-Repubblikani. Dawn iż-żewġ partit kienu ilhom imexxu Franza għal dawn l-aħħar ħamsin sena, daqqa wieħed u daqqa l-ieħor, u kienu it-tnejn li huma jappoġġjaw il-politika anti-soċjali tal-Unjoni Ewropea. Din il-parti tar-riżultat waħidha wkoll turi kemm il-poplu Franċiż irribella.

 

(2) Ukoll fl-ewwel jum tal-elezzjoni, Macron ġab 24% tal-voti, waqt li Le Pen ġabet 21% u Melenchon ġab 19.6%. Le Pen u Melenchon it-tnejn huma kontra l-poltika tal-Unjoni Ewropea, għalkemm minn naħat politiċi opposti. Dan ikompli juri biċ-ċar kemm il-maġġjoranza tal-Franċiżi huma kontra l-politika tal-Unjoni Ewropea.

 

(3) Fit-tieni jum tal-elezzjoni, vera li Le Pen, il-mexxejja tal-Front Nazzjonali ġabet 34% tal-voti, imma dan l-ammont, barra li hu konsiderevoli għax jaqbeż il-ħdax il-miljun votant, huwa wkoll id-doppju ta’ kemm kien ġab il-Front Nazzjonali fl-elezzjoni tal-2002, meta kien ġab 17%.

 

(4) Ukoll fit-tieni jum tal-elezzjoni, kien hemm moviment organizzat biex ir-ribelljoni issir billi ma jivvotawx jew iħassru l-vot. Din il-kampanja kellha suċċess ukoll għax  26% ta’ dawk li kellhom il-vot ma marrux jivvotaw u 12% minn dawk li marru jivvotaw ħassru l-vot. Dawn ukoll kienu miljuni kbar ta’ votanti.

 

Dawn il-fatti juru li fi Franza l-oppożizzjoni kontra l-Unjoni Ewropea kibret għall-għola livell tagħha sal-lum. Juru wkoll li l-oppożizzjoni hija maqsuma fi grupp tal-lemin, grupp tax-xellug, u grupp ieħor li qiegħed jara li l-bidla tista’ tigi biss bl-istrikes u bl-irvellijiet fit-toroq.

Din ir-ribelljoni mistennija li tkompli tikber fiż-żmien li ġej. Macron m’għadu l-ebda ħsieb li jibdel ir-rotta tal-Unjoni Ewropea. Il-politika tal-Unjoni Ewropea fi Franza ġabet qagħad, telfien ta’ drittijiet tal-ħaddiema, u gwerrer bla bżonn li komplew kabbru id-dejn nazzjonali. Macron hekk se jkompli miexi u r-ribelljoni bilfors tkompli tikber.