Frances Zammit Dimech taparsi mal-ħaddiema.

 

MINN SAMMY MEILAQ  PRESIDENT FRONT MALTIN INQUMU

 

Ftit ilu tħabbar li l-Membru Malti tal-Parlament tal-Unjoni Ewropea Frances Zammit Dimech inħatar rapporteur dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol mill-blokk tal-European People’s Party. Huwa qal li f’din il-kariga biħsiebu jitkellem mal-unions biex jara li l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol jinbidlu għall-aħjar.

 

Il-Front Maltin Inqumu iżda m’għandux l-iċken dubju li Zammit Dimech mhu se jagħmel xejn milli qiegħed jgħid u li l-liġijiet dwar id-drittijiet tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea se jkomplu jmorru lura mhux il-quddiem. Kull ma jagħmlu jkun kollox taparsi. Kollox ikun biex forsi jiġbru xi ftit tal-voti fl-elezzjoni li ġejja tal-Parlament tal-Unjoni Ewropea. U dan nargumentawh bil-fatti.

 

Il-unions ewlenin tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea huma kollha magħqudin flimkien fil-European Trade Union Confederation (ETUC). Fosthom hemm ukoll it-tlett unions ewlenin Maltin, il-General Workers Union, il-Forum Unions Maltin, u l-Confederation of Malta Trade Unions, li tgħodd magħha l-Union Ħaddiema Magħqudin. L-ETUC allura tirrapreżenta miljuni kbar ta’ ħaddiema fl-Unjoni Ewropea, u ma teżisti l-ebda organizzazzjoni oħra tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea li tikkompeti magħha.

 

Issa l-ETUC ilha matul dawn l-aħħar snin tiddomanda li bi dritt l-Unjoni Ewropea tilqa’ dawn it-talbiet:

 

(1) L-Unjoni Ewropea għandha tieqaf milli tirripressa id-dritt tal-istrike. L-ETUC qiegħda takkuża lill-Unjoni Ewropea li qiegħda tikser iċ-Charter of Fundamental Rights bil-mod kif ftit ftit qiegħda dejjem tirrestrinġi dan id-dritt fundamentali.

 

(2) L-Unjoni Ewropea għandha tieqaf milli tipprivatizza is-servizzi pubbliċi, inkluż dawk tas-saħħa, tal-edukazzjoni, l-enerġija, posta, eċċ.

 

(3) L-Unjoni Ewropea għandha tordna lil ħaddiema barranin ma jintużawx bħala cheap labour.

 

(4) L-Unjoni Ewropea għandha tordna li l-ħaddiema kollha jingħataw żieda fil-pagi għax il-profitti li qegħdin jagħmlu l-kumpaniji issa kibru sewwa u jifilħu li jiżdiedu l-pagi.

 

(5) L-Unjoni Ewropea għandha tordna li jiżdiedu it-taxxi fuq il-qliegħ tal-kumpaniji li qegħdin jaqgħalaw l-aktar, u jonqsu minn fuq il-ħaddiema li jaqalaw l-anqas.

 

(6) L-Unjoni Ewropea għandha iżżarma l-mudell ekonomiku li tħaddan għax dan falla u ħlief inugwaljanza soċjali ma ħoloqx.

(NOTA: Min jixtieq ikun jaf aktar jista’ faċilment jidħol fil-website tal-ETUC)

 

Issa aħna nafu li Zammit Dimech ma jaqbel xejn ma dak li jridu l-unions fl-Unjoni Ewropea. Zammit Dimech jaqbel, fost affarijiet oħra, li l-Unjoni Ewropea tkompli tjassar lill-ħaddiema Griegi u tkompli tkisser id-drittijiet industrijali tal-ħaddiema Franċiżi kif qed tagħmel bħalissa. Min qed jaħseb li l-ħaddiema se jirbħu xi ħaġa b’Zammit Dimech żgur li se jibqa’ jistenna. Fl-Unjoni Ewropea l-unika tama li għandu l-ħaddiem li ma jkomplix jitlef drittijiet hija permezz tal-istrikes u tal-protesti kotrana fit-toroq li jħarbtu l-operat tal-istat.