Dan l-artiklu deher fil-ġurnal t-Torċa tas-6 ta’ Marzu, 2016.
MINN SAMMY MEILAQ
Id-dinja kollha taf b’Albert Einstein. Kien xjentist li rnexxielu jagħmel diversi skoperti ta’ importanza kbira. L-akbar skoperta tiegħu hija l-famuża Teorija tar-Relattivita li biddlet għal kollox is-sisien tax-xjenza, tal-fiżika u tal-astrofiżika kif ukoll is-sisien tal-ġeometrija. Riċenti id-dinja ingħatat l-aħbar illi teorija oħra tiegħu issa ġiet ipprovata bil-fatti li hija vera, meta ix-xjentisti irnexxielhom jiskopru dawk li mitt sena ilu huwa kien sejjaħ “gravitational waves“. Bla dubju l-iskoperti ta’ Einstein tant huma kbar li saħansitra ħallew impatt fuq oqsma oħra tal-hsieb, inkluż il-filosofija u r-reliġjonijiet. Kien ġenju fuq il-ġenji.
Barra minn hekk iżda, Albert Einstein kien soċjalista konvint u iddikjarat pubblikament, Kien ukoll attivista ewlieni favur id-diżarm, speċjalment nukleari. Iżda filwaqt li l-iskoperti xjentifiċi tiegħu huma magħrufa sew mad-dinja kollha, il-politika tiegħu tista’ tgħid li ftit li xejn hija magħrufa. Huwa rari ħafna li Einstein is-soċjalista u l-attivista favur id-diżarm nukleari jingħata xi pubbliċita. Il-forzi politiċi anti-soċjalisti u militaristi li jiddominaw ħafna mill-media tal-Punent jidher li dan jirnexxilhom jaħbuh.
Einstein tant kien soċjalista konvint li ħass li kellu jispjega l-konvinzjoni tiegħu pubblikament. Huwa dan għamlu permezz ta’ artiklu bit-titlu “Why Socialism” li huwa xandar fir-rivista Amerikana Monthly Review ta’ Mejju 1949. Dan l-artiklu jista’ jitqies bħala l-manifest politiku tal-ġenju Albert Einstein.
“WHY SOCIALISM”
F’dan l-artklu Einstein jispjega kif huwa bena t-twemmin soċjalista tiegħu fuq fatti li huwa jiddeduċi minn dak li josserva dwar il-bniedem. Jagħraf li l-bniedem għandu l-ħtiġijiet individwali tiegħu. Irid jiekol, jilbes u jkollu l-kenn. Iżda jsostni li biex l-individwu jilħaq dawn il-ħtiġijiet huwa jiddependi għal kollox fuq ix-xogħol tal-kumplament tas-soċjeta. Tant hu hekk li ma tistax verament tifhem lill-individwu jekk mhux fl-imġieba tiegħu bħala membru tas-soċjeta. Isostni li filwaqt li l-individwu ma jistax jibdel l-għamla bioloġika tiegħu, huwa iżda jista’ jibdel l-għamla kulturali tiegħu. Fil-kas tar-relazzjoni bejn l-individwu u s-soċjeta dan it-tibdil għandu jkun immirat biex il-ħajja tal-bniedem tkun sodisfaċenti kemm hu possibbli. U it-tibdil li Einstein jipproponi biex dan l-għan jintlaħaq huwa l-mixja lejn soċjeta soċjalista.
Hawnhekk Einstein jagħmel kritika mill-aktar ħarxa tal-kapitaliżmu. Jinnota li l-ħaddiema, permezz tal-ġlidiet li jaffrontaw jirnexxielhom jirbħu xi drittijiet, iżda qatt ma jistgħu jaslu li jittħallsu l-valur veru tax-xogħol tagħhom, allura huma dejjem sfruttati. L-avvanzi fit-teknoloġija, flok iġibu kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol joħolqu l-qagħad, allura l-ħaddiem jgħix dejjem fil-biża li jitlef ħobżu. Jispjega kif l-ekonomija kapitalista timxi lejn monopolji kbar. Dawn joħolqu klassi ta’ sidien tal-kapital, tant b’saħħitha, li tkun tikkontrolla l-istituzzjonijiet bħall-media, l-edukazzjoni u oħrajn. Einstein ibassar li l-anqas il-gvernijiet eletti demokratikament ma jkunu jistu’ jrażżnu lill-dawn is-sidien tal-kapital.
Huwa jikkritika bis-sħiħ is-sistema edukattiva kif imħaddma fil-kapitaliżmu. Huwa jopponieha għax hija mibnija fuq il-kompetizzjoni u l-istudent huwa mħarreġ biex iqim is-suċċess skond kemm huwa jiggwadanja fil-karriera tiegħu.
Wara li jqis dawn il-fatti Albert Einstein jistqarr li huwa konvint li hemm mod wieħed biss kif il-bniedem jista’ jeħles għal kollox dan l-għawġ kollu tal-kapitaliżmu. Is-soluzzjoni hija l-ekonomija soċjalista fejn is-soċjeta tkun is-sid tal-mezzi tax-xogħol u fejn is-soċjeta tuża dawn il-mezzi b’mod ippjanat biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ kullħadd u b’mod li kullħadd ikollu xogħol garantit. Interessanti ħafna hawnhekk li Einstein jargumenta li ekonomija ippjanata għall-ħtiġijiet tas-soċjeta hija biss pass lejn is-soċjaliżmu. Huwa jwiddeb li din tista’ toħloq burokrazija ċentralizzata li xorta waħda tjassar lill-individwu.
Mal-ekonomija soċjalista huwa jżid ukoll il-ħtieġa ta’ sistema edukattiva li barra li turi lill-individwu kif jiżviluppa l-abiltajiet tiegħu, iddaħħal ukoll fih sens ta’ responsabilta lejn il-bnedmin l-oħra. Hawnhekk huwa jsostni li l-bniedem jista’ jsib it-tifsira tal-ħajja biss billi jagħti ruħu għas-soċjeta.1
IL-MANIFEST RUSSELL-EINSTEIN
Albert Einstein kien ukoll attivista ewlieni favur il-paċi u d-diżarm, speċjalment favur id-diżarm tan-nukleari. Huwa u l-filosfu famuż Bertrand Russell´flimkien ma’ xi personaġġi famużi oħrajn rebbieħa tal-Premju Nobel, iffurmaw dak li baqa’ magħruf bħala l-Manifest Russell-Einstein li ġie ippubblikat fl-1955 ġewwa Londra.
F’dan il-manifest, Einstein, Russell u sħabhom iwiddbu li l-bniedem jinsab fil-periklu li jista’ jeqred lilu nniffsu permezz tal-armamenti nukleari. Jispegaw li l-bomba atomika li fl-1945 qerdet il-belt ta’ Hiroshima fil-Ġappun hija nitfa fejn il-potenzjal tal-bombi nukleari għax dawn jistgħu jitkabbru saħansitra għal 2500 darba fis-saħħa qerrieda ta’ dik li ntefet fuq Hiroshima! Għaldaqstant fil-Manifest huma jipproponu li jieqaf l-iżvilupp ta’ dawn l-armamenti. Jesiġu anzi li dawn jiġu mwarrba u kull tilwim bejn pajjiż u ieħor għandu jiġi ittrattat b’mod paċifiku.
Attwalment fl-1939 Einstein kien sar jaf li n-Nażi fil-Ġermanja kienu qedgħin javvanzaw biex jiżviluppaw il-bomba atomika. Fil-fatt kienu diġa rnexxielhom jaqsmu l-atomu tal-uranju. Minħabba f’hekk huwa kien kiteb lil President tal-Istati Uniti Franklin D. Roosevelt, infurmah bil-periklu ta’ bomba bħal din f’idejn in-Nażi u ħeġġu biex l-Istati Uniti tgħaddi lin-Nażi f’din ir-riċerka. Huwa iżda qatt ma qabel li l-Istati Uniti tuża din il-bomba, bħal ma’ ġara f’Hiroshima. Barra minn hekk huwa ma kien involut xejn fil-proġett tal-Istati Uniti biex inbniet il-bomba.
MOĦĦU PRISERVAT
Fis-17 ta’ April1955 Albert Einstein iddaħħal l-isptar Princeton fi New Jersey, l-Istati Uniti, isofri minn emoroġija f’arterja minn ġo zaqqu. Huwa irrifjuta li jiġi operat. Qal li inutli li wieħed itawwal ħajtu b’mod artifiċjali. Qal li sehemu kien tah u li issa wasal il-mument li jitlaq. Huwa miet l-għada 18 ta’ April fl-eta ta’ 76 sena.2
Waqt l-awtopsja moħħu ġie mneħħi u għadu miżmum priservat sal-lum, bit-tama li xi darba fil-ġejjieni, meta ix-xjenza tkun aktar avvanzata, il-bniedem ikun jista’ jiskopri x’kien li għamel lil Albert Einstein daqshekk intelliġenti. Il-fdal ta’ moħħu jinsab fin-National Museum of Health and Medicine, Maryland, l-Istati Uniti.
Aktar ma jħhaddi żmien aktar Albert Einstein qiegħed isir relevanti, kemm fil-qasam tax-xjenza fiżikali kif ukoll tax-xjenza politika. Dan għaliex iż-żmien qiegħed dejjem itih aktar raġun fit-tbassir tiegħu fiż-żewġ oqsma xjentifiċi. Issa qedgħin naraw kemm kellu raġun dwar il-“gravitational waves“. Iżda huwa ukoll fatt li kif bassar huwa l-kapitaliżmu kompla kabbar il-monopolji; it-teknoloġija kompliet toħloq il-qagħad; il-burokrazija ċentralizzata, anke fl-ekonomija ippjanata, falliet; u l-ħtieġa tad-diżarm nukleari kompliet kibret.
Barra minn hekk l-kontroll fuq il-media mill-monopolji ġganteski kapitalisti kompla kiber, tant li kulħadd jaf b’Einstein ix-xjentist iżda ftit li xejn jafu b’Einstein is-soċjalista u bil-vetrina tal-argumenti soċjalisti li huwa xandar, argumenti mibnijin bl-aktar mod xjentifiku, loġiku u eleganti. Bix-xieraq li issa li reġa qiegħed fl-aħbarijiet, Einstein is-soċjalista jittwassal ukoll għand il-popli.
1 “Why Socialism” ġie imxandar fl-Istati Uniti mill-perjodiku Monthly Review ta’ Mejju 1949. L-istess perjodiku reġa’ xandru f’Mejju 2009, għeluq il-ħamsin sena. Għalhekk min jixtieq jaqrah jista faċilment isibu hawn. L-artiklu huwa biċċa xogħol ta’ xjenza politika mibnija fuq fatti soċjali u ovvjament jelabora ħafna aktar mill-biċċiet li jien qiegħed niġbed minnu.
2 Einstein kien diġa iffirma l-Manifest Russel-Einstein qabel dan ġie mxandar.