Il-president elett tal-Istati Uniti Donald Trump jidher li se jkun ta’ periklu kbir fl-oqsma tal-ħarsien tal-ambjent, tad-drittijiet ċivili speċjalment tal-minoranzi, kif ukoll f’dak li hu razziżmu. Minn kliemu jidher li f’dawn l-oqsma l-politika tiegħu tista’ titfa’ lill-Istati Uniti lura flok il-quddiem. Meta wieħed iqis li l-Istati Uniti diġa ma tinstabx fuq quddiem f’dawn l-oqsma allura aktar huwa kbir il-periklu ta’ Trump. Wieħed jispera li l-protesti li qegħdin isiru kontrieh dwar dawn il-kwistjonijiet forsi jnaqqsulu milli jitfa’ l-pajjiżu aktar lura.
B’danakollu ftit ilu Trump tkellem dwar il-politika barranija u qal li hu ser jevita li pajjiżu jindaħal militarment fi ġlied jew gwerrer ta’ pajjiżi oħra u minflok bi ħsiebu jiffoka fuq li jeqred it-terroristi tal-Istat Iżlamiku. Qal ukoll li kull nazzjon li jaqsam miegħu dawn il-miri huwa jikkonsidrah bħala nazzjon sieħeb tiegħu. Qal li jrid isaħħah il-militar Amerikan imma din is-saħħa ma tkunx biex tintuża għall-agressjoni imma biex tintuża għall-prevenzjoni. Aktar qabel, waqt il-kampanja elettorali, Trump kien diġa qal li ma jaqbilx mal-ħafna gwerrer li pajjiżu daħal fihom biex fl-aħħar mill-aħħar nefaq biljuni kbar ta’ dollari, ma rebaħx gwerra waħda, u ħareġ ta’ agressur mal-popli kollha tad-dinja.
X’se jagħmel Trump fil-verita jibqa’ ħafna dubjuż. Huwa għadhu se jibda’ fil-politika, hemm ħafna mexxejja oħra fil-partit tiegħu stess, il-Partit Repubblikan, li ma jaqblux miegħu, u l-interessi finanzjarji tal-industrija tal-bejgħ tal-armamenti fl-Istati Uniti huma forza kbira anke politikament.
Imma jekk Trump verament jaqbad din it-triq allura jista’ jkun li nidħlu fi żminijiet fejn jonqsu l-gwerrer, għax il-gwerrer kbar kollha li seħħew matul dawn l-aħħar madwar ħmistax il-sena kollha kienu gwerrer fejn l-Istati Uniti indaħlet direttament, u f’xi ftit każijiet indirettament permess tal-bejgħ tal-armamenti u permezz ta’ pariri u taħriġ militari. Għall-Mediterran u għall-Lvant Nofsani kieku jkun nifs qawwi ta’ mixja lejn il-paċi fir-reġjun.
Hawnhekk tajjeb li wieħed ifakkar li l-Partit Demokratiku kellu lil Bernie Sanders itellaq kontra Hillary Clinton fil-partit biex jintagħżel bħala kandidat għall-elezzjoni ta’ President tal-Istati Uniti. Sanders żgur li kien aħjar minn Trump u anke minn Clinton, għax mhux biss dejjem kien kontra l-gwerrer li ħolqot l-Istati Uniti, imma ried ukoll li jnaqqas in-nefqa militari u minflok juża l-flus biex joħloq proġetti ta’ xogħol u jagħmel l-edukazzjoni b’xejn għall-kulħadd. Imma l-kbarat tal-Partit Demokratiku rażżnu kemm felħu lil Sanders biex jappoġġjaw lil Clinton. Issa ħasdu dak li żergħu.