Battista qatel 20,000 Kuban

Suldati ta' Battista jiffuċilaw ribell fl-1956
Suldati ta’ Battista jiffuċilaw ribell fl-1956

Qabel ir-rivoluzzjoni li wettaq il-poplu Kuban immexxi minn Fidel Castro, il-pajjiż kien immexxi minn dittatorjat faxxista tal-armata maħluq mill-Istati Uniti fejn il-korruzzjoni, il-faqar, d-drogi u l-qtil ta’ min kien jipprotesta kienu is-sisien tad-dittatura.

Fis-sena 1952 kienet se ssir l-elezzjoni f’Kuba. Iż-żagħżugħ Fidel Castro kien wieħed mill-kandidati għall-elezzjoni. Il-gvern Amerikan, iżda, induna li l-poplu Kuban se jtella’ nies (bħal Castro) li riedu jibdlu l-qagħda tal-pajjiż u ma jħalluhx isefter lill-korporazzjonijiet kbar privati Amerikani. Allura ftehmu ma’ uffiċjal għoli tal-armata ta’ Kuba, Fulgencio Battista, biex dan iwettaq kolp ta’ stat billi jwaqqaf l-elezzjoni u jieħu l-pajjiż f’idejh permezz tal-armata. Malli Battista għamel hekk l-Istati Uniti immedjatament ikkonoxxietu bħala l-gvern leġittimu ta’ Kuba. Naturalment għax hekk kien miftiehem minn qabel.

Hekk kif Battista ħa l-poter huwa mexxa skond il-pjan miftiehem mal-gvern Amerikan. B’mezzi mill-aktar korrotti huwa ta’ ħafna vantaġġi finanzjarji lill-korporazzjonijiet privati Amerikani f’Kuba bi skapitu għall-interessi tal-poplu Kuban. Huwa daħħal il-mafja Amerikana ġewwa Kuba biex tmexxi id-droga u l-prostituzzjoni. Fil-fatt, sal-1958, meta Castro mexxa ir-rivoluzzjoni, Havana kienet il-kwartieri ġenerali tal-mafja Amerikana u l-post fejn kienu jsiru il-laqgħat għoljin tal-mafja immexxijin minn Lucky Luciano, Meyer Lansky, Vito Genovese, Albert Anastasia u kapijiet oħrajn tal-mafja.

Minn din il-korruzzjoni kollha Battista kien idaħħal miljuni kbar ta’ dollari minn għand il-korporazzjonijiet privati Amerikani u minn għand il-mafja. Iżda l-poplu Kuban baqa’ jgħix f’faqar u f’ġuħ kbir, bla servizzi ta’ xejn, la skejjel jew sptarijiet, u anke b’nuqqas kbir ta’ xogħol. Ma setax jonqos allura li l-poplu jipprotesta kontra Battista u kontra l-appoġġ lejh mill-gvern Amerikan.

Iżda permezz tal-appoġġ tal-gvern Amerikan, Battista seta’ jkisser kull oppożizzjoni permezz tat-terrur statali. Kull min jipprotesta kien jiġi maqtul. F’ħafna każijiet huwa kien jordna biex dawk li jkun qatel jiġu mdendlin mal-arbli tad-dawl bħala twiddiba lil min ikun qed jitħajjar jipprotesta kontra id-dittatura faxxista tiegħu u tal-Istati Uniti. Tant dan huwa minnhu illi John F. Kennedy, fl-1961, allura qabel ma sar president tal-Istati Uniti, kien stqarr li Battista kien qatel 20,000 Kuban fil-perjodu ta’ seba’ snin li dam jaħkem Kuba.

F’Jannar tal-1958, meta deher ċar li Castro se jirnexxilu jwaqqa’ l-gvern, Battista ħarab lejn il-Portugall, li dak iż-żmien kien għadu immexxi mill-faxxista sieħbu, Salazar.

Il-miżerja tal-poplu kollhu spiċċat bit-tmexxija ta’ Castro. Il-poplu ingħata ix-xogħol, is-servizz mediku, l-edukazzjoni b’xejn u mill-aqwa, u ħafna drittijiet oħra li l-anqas fl-Istati Uniti ma jeżistu.