Il-kbarat tal-Unjoni Ewropea bħalissa għaddejjin b’ħidma qalila biex iżidu l-attakki militari kontra pajjiżi żgħar biex tiżdied id-dominanza politika u ekonomika tal-Unjoni Ewropea fuqhom. Din l-intenzjoni deheret ċara f’Novembru li għadda meta l-kbarat iddeċidew dwar pjan li permezz tiegħu huma jkunu jistgħu jordnaw il-forzi armati mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jattakkaw pajjiżi oħrajn.
Il-pjan jinkludi li jitwaqqaf kwartieri ġenerali militari ġewwa Brussell biex imexxi u jikkmanda l-attakki mill-Unjoni Ewropea. B’hekk meta jsiru attakki bħal ma saru fuq l-Afganistan, l-Iraq, is-Sirja u l-Libja, l-armati tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jkunu armata waħda ikkmandata mill-kbarat ġewwa Brussll. Il-kbarat qablu wkoll li jorganizzaw aktar ir-riċerka u produzzjoni tal-armamenti u li l-flus għal dan kollu jinġabru mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. L-ispiża għal dawn se tlaħħaq għal bejn 50 u 100 miljun euro fil-bidu, iżda wara se tlaħħaq għal massimu ta’ tlett biljuni u nofs euros.
Dan il-pass mill-kbarat tal-Unjoni Ewropea se jkompli jżid il-gwerrer fil-Mediterran u fil-Lvant Nofsani, se jkompli jżid ir-refuġjati jaħarbu lejn l-Ewropa, se jkompli jżid l-attakki terroristi bi tpattija, u se jkompli joħloq aktar tnaqqis fil-budgets tas-servizzi soċjali tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Iżda l-Ġermanja mistennija li iddaħħal kemxa sew minn dan il-pass, għaliex il-Ġermanja għandha waħda mill-akbar industriji tal-armamenti fid-dinja, u żgur li se tkun hija li tipprovdihom lill-Unjoni Ewropea.
Issa Malta żgur li qatt ma għandha taċċetta li tkun parti minn dan il-ġenn politiku u militari. Mhux talli ma nirbħu xejn jekk inkunu parti, imma żgur li nitilfu ħafna jekk mhux kollox ukoll. Bit-tkissir tal-Libja mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti deni biss ħadna.
Izda fil-Parlament tal-Unjoni Ewropea, minn fost is-sitt Membri Maltin, kien Alfred Sant biss li tkellem u li ivvota kontra dan il-pjan ta’ ġenn politiku u militari. Il-membri Nazzjonalisti ivvotaw favur waqt li iż-żewġ membri l-oħra Laburisti astjenew. Alfred Sant sostna li Malta għandha tibqa’ newtrali u li anke għall-Unjoni Ewropea ikun aħjar li flok timxi bil-pjan militari tara kif se ssolvi l-problemi interni kbar li għandha, fosthom tat-terroriżmu u tal-immigrazzjoni.
Bil-pożizzjoni li ħa, Alfred Sant wera li hu mhux pappagall tal-kbarat tal-Unjoni Ewropea u li mhux qiegħed hemm biex ibaxxi rasu u jirrepeti dak li jriduh jgħid il-kbarat.