Matul dawn l-aħħar snin l-attakki terroristi mill-Istati Uniti u mill-Unjoni Ewropea spikkaw diversi drabi.
Fl-Iraq, il-bombi kimiċi li ntefgħu fuq il-poplu Iraqqin, barra l-ħerba li għamlu, ikkaġunaw li ħafna trabi bdew jitwieldu sfigurati bir-radjazzjoni tal-white phosphorus li jxerrdu dawn il-bombi kimiċi. Minn fuq, l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea jgħidu li ibbumbardjaw l-Iraq u qatlu l-fuq minn nofs miljun ruħ, biex jagħmlulhom pjaċir u jdaħħlu id-demokrazija fl-Iraq! Fil-verita kull ma rriżulta fl-Iraq huwa ħerba sħiħa li għadha għaddejja sal-lum u li iż-żejt ta’ dan il-pajjiż issa ittieħed f’idejn il-kumpaniji taż-żejt tal-Punent. L-attakki terroristi tal-Istati Uniti u tal-Unjoni Ewropea kellhom biss dawn iż-żewġ miri: it-tkissir tal-Iraq u l-kisba taż-żejt ta’ dan il-pajjiż.
Il-carpet-bombing fil-Libja bil-bombi kimiċi tal-uranju wkoll kienu atti terroristi u atti ta’ kriminalita tal-gwerra mill-Istati Uniti u mill-Unjoni Ewropea.
Fil-Jemen, l-aktar pajjiż Għarbi fqir, ukoll ilhom għaddejjin l-attakki terroristi mill-Istati Uniti u mill-Unjoni Ewropea flimkien mal-Arabja Sawdija. F’dan il-pajjiż kienet għaddejja gwerra ċivili u l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea ftehmu mal-Arabja Sawdija li jattakkaw lir-ribelli li kienu qedin fuq l-avvanz. Dan m’hu xejn ħlief indħil militari illegali u immorali fl-affarijiet interni ta’ pajjiż sovran. Matul dawn l-aħħar 18 il-xhar l-attakki mill-ajru mill-Arabja Sawdija regolarment ġew immirati fuq skejjel, sptarijiet, abitanti, swieq, moskeji, u kull fejn jinġabru in-nies. Skond rapport tal-Ġnus Magħquda imxandar f’Lulju li għadda, b’kollox saru 119 attakk mill-ajru fuq dawn il-miri pajżana.
L-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea huma parti minn dawn l-attakki terroristi kollha. Huma jfornu lill-Arabja Sawdija bl-ajruplani u bil-bombi. Il-command center tal-attakki mill-ajru tal-Arabja Sawdija huwa direttament f’idejn uffiċjali tal-qawwiet tal-ajru Amerikani u Ingliżi.
L-aħħar attakk terrorista twettaq ftit tal-ġranet ilu meta funeral ġie attakkat mill-ajru u nqatlu 140 ruħ, waqt li madwar 600 indarbu, ħafna minnhom serjament. Il-bombi li ntefgħu fuq il-funeral kienu bombi Amerikani tal-500 tunellata u laser-guided.
Tajjeb li nfakkru hawnhekk li l-Arabja Sawdija hija stat iżlamku fejn id-demokrazija hija illegali! Il-kompliċita tal-Istati Uniti u tal-Unjoni Ewropea f’dan it-terroriżmu statali kollu qiegħed iseħħ biss biex ikomplu jikkontrollaw il-provista taż-żejt ta’ dan il-pajjiż. Iżda, apparti l-immoralita u l-ipokrizija tal-Istati Uniti u tal-Unjoni Ewropea, dan it-terroriżmu statali qiegħed ikompli joħloq u jżid ir-refuġjati jaħarbu mill-bombi, kif ukoll iżid it-terroriżmu iżlamiku bi tpattija.
Allura l-pajjiżi kollha tar-reġjun tal-Mediterran qedin jintlaqtu ħazin, inkluż Malta.