Is-settur bankarju privat issa ilu snin għaddej minn mewġa ta’ kriminalita organizzata tista’ tgħid mifruxa mad-dinja kollha, inkluż fl-Unjoni Ewropea. Bħalissa hemm żewġ banek privati kbar Ewropej li nkixfu fil-kriminalita organizzata.
Il-bank Germaniż Deutsche Bank huwa l-akbar invesment bankarju fl-Unjoni Ewropea. Matul dawn l-aħħar snin dan il-bank kellu jħallas il-fuq minn disa’ biljun dollaru f’multi lill-gvern Amerikan fuq akkużi ta’ evażjoni tat-taxxa, ksur ta’ sanzjonijiet kontra l-Iran u s-Sudan, u frodi fir-rati tal-kambju.
Ftit tal-ġimgħat ilu dan il-bank ammetta li kien inganna lill-investituri tiegħu stess fl-Istati Uniti u aċċetta li jħallas multa ta’ 7.2 biljun dollaru, ukoll lill-gvern Amerikan.
Matul dawn l-aħħar snin dan il-bank kien qed jiġi investigat dwar il-ħruġ ta’ biljuni ta’ flus tal-kriminalita organizzata mir-Russja lejn pajjiżi oħra. Ftit tal-ġranet ilu din l-investigazzjoni intemmet u id-Deutsche Bank instab ħati li kien kompliċi u għalhekk ġie immultat total ta’ 630 miljun dollaru mill-awtoritajiet Amerikani u Ingliżi, il-pajjiżi minn fejn wettaq din il-kriminalita.
Barra minn hekk f’Diċembru li għadda, fil-qorti ta’ Milan fl-Italja, id-Deutsche Bank ġie akkużat li flimkien mal-bank Taljan Monte dei Paschi di Siena, iffalsifika il-kontijiet biex jaħbu telf ta’ 367 miljun euro!
Il-Monte dei Paschi di Siena (MPS) huwa t-tielet l-akbar bank fl-Italja. Fl-2008 għamel telf ta’ 367 miljun euro, iżda lanqas biss informa lill-investituri tiegħu b’dan it-telf, kif huwa obbligat li jagħmel skond il-liġi Taljana. Minflok, il-kbarat ta’ dan il-bank iltaqgħu bil-moħbi mal-kbarat tad-Deutsche Bank biex jaraw kif se jaħbu dan it-telf kbir ta’ 367 miljun euro. Id-Deutsche Bank aċċetta li jiffalsifika l-kontijiet tal-MPS biex jaħbi it-telf. Ta’ din il-falsifikazzjoni id-Deutsche Bank tħallas 60 miljun euro mill-MPS.
Kollox baqa’ mistur sakemm erba’ snin wara, fl-2012, xi ħadd anonimu informa lill-awtoritajiet Taljani b’dak li kien ġara. Hawnhekk l-awtoritajiet Taljani bdew jinvestigaw. Sena wara, fl-2013, il-Monte dei Paschi di Siena falla u kellu jingħata erba’ biljun euro minn flus il-poplu Taljan biex seta’ jkompli jaħdem. L-awtoritajiet Taljani issa għandhom il-fatti kollha u qedgħin jakkużaw lid-Deutsche Bank li flimkien mal-MPS iffalsifika l-kontijiet tal-bank Taljan. Il-każ fil-qorti ta’ Milan mistenni li jieħu sa l-aħħar xhur ta’ din is-sena biex jintemm.
Dawn il-fatti kollha juru li :
- Il-politika li tħalli l-banek privati bla regoli effettivi, u mingħajr skrutinju effettiv mill-poplu permezz tal-involviment mill-gvern, hija l-kaġun ewlieni ta’ kemm kibret il-kriminalita organizzata fil-qasam tal-banking Bħal f’dan il-każ, il-biċċa l-kbira tal-kriminalita tinqabad biss għax xi ħadd isir jaf u jikxef. Din hija ukoll il-politika tal-Unjoni Ewropea.
- Meta fl-aħħar jinqabad xi każ u jitressaq il-qorti, il-pieni dejjem ikunu ta’ multi u mhux ta’ ħabs. U dawn il-multi jittħallsu mill-bank stess mhux minn but il-kbarat tal-bank li attwalment ikunu ħatja. Fil-prattika il-multi jkunu qedgħin jittħallsu minn nies li jpoġġu flushom fil-bank.
- Mata mbagħad ifalli l-bank, il-politika tal-Unjoni Ewropea tara li dan jiġi issussidjat bi flus il-poplu. Hekk ġara fil-każ ta’ ħafna banek privati kbar li fallew fl-Unjoni Ewropea matul dawn l-aħħar snin.
- Biex tinqered il-kriminalita organizzata mill-banek privati kbar, is-soluzzjoni waħdanija hi li l-banek jiġu demokratizzati billi jsiru banek tal-poplu. B’hekk jitmexxew sewwa għax ikunu jridu jagħtu rendikont dirett lill-poplu, u l-qliegħ li jagħmlu jmur għand il-poplu.
- Iżda ma jidhirx li l-kbarat tal-Unjoni Ewropea se jibdlu xi ħaġa dwar din il-kriminalita organizzata. Din is-sitwazzjoni hija raġuni oħra għaliex l-Unjoni Ewropea trid jew tibdel ir-rotta jew tisfaxxa.