Front Maltin Inqumu
Moviment Imwaqqaf mill-Perit Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici fit-23 ta’ Settembru, 2002.
President: Sammy Meilaq
Stqarrija tat-Twaqqif 23 ta’ Settembru 2002
Min aħna?
Aħna poplu żgħir u qalbieni li kompla jgħix mingħajr ma ħakem u kasbar ġnus oħrajn.
Iżda ebda pajjiż ma sofra daqs il-poplu Malti minħabba l-gwerer li saru fl-imgħoddi.
Allavolja fl-aħħar gwerra Malta kisbet tifħir speċjali mill-Ingilterra u l-Amerika għall-qlubija li l-poplu Malti wera, b’danakollu dawn ċaħduna mill-għodda għall-għejxien li huma wasslu bil-ferħ lill-għedewwa tagħhom – li b’ċikka ma qerduhomx għal kollox fl-akbar tilwima li qatt rat id-dinja.
Bħallikieku dan l-għawġ għal Malta ma kienx biżżejjed. Malta ssograt kollox biex tikseb l-indipendenza u l-ħelsien mill-ħakma Ingliża u tan-NATO – dak il-ħelsien li huwa dritt fondamentali għal kull poplu taħt il-kappa tax-xemx.
Malta nsiet l-għawġ u mxiet fit-triq ta’ paċi u ħbiberija kemm mal-pajjiżi tal-Punent u kif ukoll tal-Lvant. B’din il-politika ta’ newtralità rnexxielna nkattru l-ħelsien politiku u niksbu l-akbar prosperità ekonomika li qatt ma ra pajjiżna.
Iżda, għax aħna bdejna f’din it-triq mill-inqas 30 sena wra l-pajjiżi l-oħrajn tal-Ewropa, għad ma ninsabux f’ qagħda li nikkompetu magħhom fil-qasam industrijali u kummerċjali. Għalhekk ikun suwiċidju għalina li nabbandunaw it-triq li qegħdin fiha b’kapriċċ, b’pika jew b’ingann.
Fejn aħna?
Malta ilha li ħasset il-ħtieġa li tikseb inċentivi morali u materjali mill-pajjiżi tal-Ewropa. Għalhekk 30 sena ilu għamilna association agreement mal-Komunità Eropeja, u dik il-forma ta’ sħubija qrib il-Komunità, iżda mhux membru tagħha, serviet ta’ mudell għal pajjiżi oħrajn li bħalna xtaqu li, mingħajr ma jidħlu membri tal-Komunità, jagħmlu sħubija magħha.
Infakkru li, minkejja ċ-ċokon tagħna, fil-bidu tas-snin 70, f’Helsinki rrnexxielna nwasslu lil kull pajjiż biex jaqbel li l-paċi ma kellhiex isseħħ fl-Ewropa ta’ Fuq biss, iżda kellha tinfirex ukoll fil-Mediterran.
Aktar importanti kien il-fatt li għas-sigurtà, il-ħelsien u n-newtralità ta’ pajjiżna, Malta, li tant hi żgħira li mhux possibli għaliha li jkollha armati li jieqfu lil ħaddieħor, irnexxielha li tagħmel tratti li jigarantixxu s-sovranità u n-newtralità ta’ pajjiżna ma’ pajjiżi kbar, kemm ma’ tal-Ewropa tal-Lvant, kif ukoll ma’ l-Ewropa tal-Punent u anki mal-pajjiżi tad-Dinja Għarbija.
Dan sa fejn wasalna llum. M’hemmx dubju li konna naslu aktar, kieku bqajna nistinkaw fl-oqsma kollha. Nieħdu biss il-qasam industrijali – aħna ħtafna l-opportunitajiet li rajna u użajnihom biex niżviluppaw ma’ idustrijalisti Ġermaniżi, Ingliżi, Taljani, Libjani u oħrajn.
Il-valuri fondamentali
Il-valuri fondamentali li kulħadd f’ Malta għandu jaqbel dwarhom huma tnejn; il-paċi u n-newtralità.
Għaliex il-paċi? Malta teħtiġilha l-paċi aktar minn kulħadd. Minħabba ċ-ċokon tagħna, bl-armi tal-lum f’pajjiżna jinqered kollox bi gwerra. Nitilfu kull ma ksibna s’issa bil-politika ta’ paċi.
Għalhekk, fir-rabtiet tagħna mal-Unjoni Ewropea rridu nassiguraw li l-ħidma tagħna għall-paċi tibqa’ bla mittiefsa.
Għandna nagħmlu aktar minn hekk. Aħna nemmnu li anki l-Unjoni Ewropea jaħtigilha l-paċi. Għalhekk għandna nagħtuha l-kontribut tagħna għall-ħarsien tal-paċi.
Jekk l-Unjoni Ewropea tasal biex tħaddan politika ta’ paċi billi tiċħad għal dejjem il-gwerra, għandna nkunu lesti naqsmu magħha dik il-parti tas-sovranità biex jintlaħaq l-għan komuni tagħna tal-paċi.
Xi tfisser in-newtralità għalina? Tfisser li aħna jkollna l-ispazju, li jkollna n-nifs, li jkun possibli għalina li nħdmu id f’id ma’ kull nazzjon, poplu, komunità u individwu li bħalna jridu li jinqerdu l-gwerer u li l-bnedmin jgħixu bħal aħwa mingħajr ma nagħmlu ħsara lil xulxin.
Hu possibli naħdmu mal-Unjoni Ewropea meta għandna dawn il-valuri u ħtiġijiet fondamentalissimi għal pajjiżna? Inwieġbu iva għaliex fl-imgħoddi pprovajna u rnexxielna.
Il-ġid mix-xogħol
Għandna għan kbir ieħor li nħarsu x-xogħol f’ pajjiżna u li nkattru l-mezzi għall-ħolqien tax-ġid għall-poplu tagħna.
Għalhekk irridu nfiehmu lill-Unjoni Ewropea li m’għandhiex ixekkilna b’regoli li jnaqqsu x-xogħol f’pajjiżna u li ma jgħinuniex biex nikbru ekonomikament.
Infiehmu wkoll lill-Unjoni Ewropea li biex aktar naħdmu għall-paċi, jaqbel li ma nfixklux il-kisba ta’ aktar xogħol u ħidma ekonomika f’pajjiżna. Aktar ma nkunu b’saħħitna ekonomikament, aktar nistgħu naħdmu għall-paċi u ngħinu lil ħaddieħor.
Lill-poplu tagħna ngħidulu li biex nilħqu l-għanijiet tagħna jeħtieġ li naħdmu aktar, b’iżjed għaqal, b’aktar onestà u b’sagrifiċċji akbar.
Irridu nkunu lesti nagħmlu kull m’hemm bżonn ħalli l-ewwel inwaqqfu t-tkabbir tad-dejn nazzjonali, u mbagħad neqirdu għal kollox id-dejn li jkisser lil pajjiżna.
Jekk biss nagħmlu dan inkunu nistgħu nserrħu rasna li lil uliedna u lil ulied uliedna se nħallulhom wirt tajjeb u mhux djun kbar li joħonquhom.
Tamietna
Aħna ħdimna ma’ Ewropa li bħalna kienet turi li tixtieq tistinka biex ikun hawn il-paċi fil-Mediterran. M’ għamilniex din b-irbit li seta’ jxekkel kemm lilna u kemm lin-naħa l-oħra. Ma narawx għaliex għandna nitbiegħdu minn dik it-triq li mxejna sal-lum.
Aħna nħossu li kemm għall-Unjoni Ewropea u kemm għalina jaqbel li nkomplu ninforzaw dak li għamilna sal-lum, u ma jaqbilx li nabbandunawh biex naqbdu triq oħra li forsi ħaddieħor iħoss li għall-mument hija aħjar, imma li żgur fit-tul iġġib ħsara lil kulħadd.
Nittamaw li l-Unjoni Ewropea taqbel magħna. Iżda qabel kollox nittamaw li l-Maltin u l-Għawdxin ta’ rieda tajba lkoll jaqblu magħna li Malta jeħtieġ li tqum.
Lil kull min jaqbel magħna f’ dawn l-għanijiet, iħeġġuh jissieħeb fil-“Front Maltin Inqumu”.
Dom Mintoff Karmenu Mifsud Bonnici
23 ta’ Settembru, 2002